Baġit 2021 | 'Irrid Patt Soċjali Ġdid ... nagħtu prijorità lil-Living Income'
Fit-tweġiba tiegħu għall-Baġit, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista jippreżenta l-viżjoni tal-PN għall-pajjiż
minn Yendrick Cioffi
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, illum għamel l-ewwel risposta tiegħu għall-Baġit li ressaq il-Gvern il-ġimgħa li għaddiet u insista li dan kien Baġit “virtwali” ta’ Gvern li wara leġislatura u nofs nqata’ mir-realtà tan-nies.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Kap Nazzjonalista insista li qed jitkellem f’isem “il-maġġoranza siekta tal-poplu Malti” u dan qed jagħmlu wara li tkellem ma’ ħafna persuni, inkluż dawk fin-negozju li huma inkwetati dwar il-futur tagħhom u għalhekk li t-tema tad-diskors tiegħu kienet: “Nissaħħu flimkien.”
Fost l-aktar punti interessanti li għamel Grech kien hemm dak dwar Patt Soċjali ġdid, li fi kliemu huwa punt kruċjali fil-viżjoni li għandha l-Oppożizzjoni u li llum spjega tul id-diskors tiegħu.
Insista li l-Oppożizzjoni trid ekonomija li tkun mibnija fuq soċjetà li hija ġusta. Fi kliemu, dan biss jista’ jwassal biex is-soċjetà tindirizza l-faqar u twieżen lil min hu l-aktar dgħajjef.
Kien hawn li insista li se jkun qed jenfasizza fuq l-iffurmar ta’ Patt Soċjali ġdid, fejn fost oħrajn, il-PN se jagħti prijorità ewlenija lejn l-introduzzjoni tal-Living Income.
“Wasal iż-żmien li nirrevedu l-mekkaniżmu tal-COLA għaliex dan mhux qed iservi il-bżonnijiet li qed ngħixu fihom fis-sena 2020. Jien konvint li l-imsieħba soċjali llum għandhom maturità biżżejjed biex ikunu l-protagonisti f’dan l-isforz: unions, korpi, għaqdiet mhux governattivi, pajjiżkom qed isejħilkom biex tkun l-arkitetti ta’ dan il-Patt Soċjali Ġdid – aħna ser intukom l-ispazju u nittama li l-Gvern jilqa’ din id-direzzjoni u nimbarkaw fuqha llum qabel għada,” insista l-Kap Nazzjonalista.
‘Għall-pensjonanti ħames ewro u għalihom eluf f’konsulenzi u bordijiet’
Kien hawn li Grech kompla jitkellem dwar l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà, il-vulnerabbli, il-familja bi sfidi soċjali u dawk maħkumin minn xi vizzju
“Anzi l-isfida li jien qed inpoġġi quddiemi u quddiem it-tim tiegħi hija li lil dawn in-nies nimxu l-mixja magħhom sakemm ikunu jistgħu jfendu għar-rashom fi sfond ta’ appoġġ soċjali li ma’ jħalli lil ħadd jaqa’ lura,” insista Grech.
Tkellem dwar l-anzjani u saħaq li dawn xebgħu jisimgħu wegħdiet fiergħa.
“Tkellem ma’ min trid u jgħidulek li għalkemm qed jingħataw iż-żieda, il-Gvern ikun diġà ħadielhom fi spejjeż u għoli tal-ħajja li jkunu batew qabel. Itik b’id u jeħodlok bi tnejn oħra,” kompla l-Kap Nazzjonalista.
Insista li llum qabel għada trid tkun indirizzata wkoll il-problema tal-housing għax fi kliemu għad hawn persuni li llum jixtiequ saqaf fuq rashom u ma għandhomx.
Wasal iż-żmien li nirrevedu l-mekkaniżmu tal-COLA għaliex dan mhux qed iservi il-bżonnijiet li qed ngħixu fihom fis-sena 2020
“Hawn mijiet ta’ familji li huma msallbin bil-post fejn jgħixu. Jew għax mhux adattat, jew għax il-kera għolliet mas-smewwiet ... Aħna rridu ningħaqdu mas-settur privat biex insolvu din il-problema darba għal dejjem filwaqt li ngħinu lis-settur tal-bini biex ikun parteċipi f’dan il-proċess ta’ suċċess,” kompla l-Kap Nazzjonalista.
Kien hawn li saħaq li l-messaġġ tiegħu llejla huwa wieħed u ċar, jiġifieri li l-qasam soċjali jinħtieġ politika b’ruħ soċjali.
“Hekk sew, sinjuri pensjonanti għalikom ħames Ewro u għalihom l-eluf f’konsulenzi u bordijiet,” kompla jisħaq.
Covid: ‘Apparti l-vouchers il-pajjiż kien qed jistenna viżjoni’
Beda jitkellem dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-Covid-19 u akkuża lill-Gvern li l-uniku soluzzjoni li offra, anke jekk il-Partit Nazzjonalista jaqbel magħha, kienet dik li joffri l-vouchers biex jgħin lin-negozji kollha milquta ħażin.
Madanakollu, Grech saħaq li apparti l-vouchers, il-poplu kien qed jistenna li l-Gvern se jispjega l-pjan tiegħu għax-xhur u s-snin li ġejjin.
Filwaqt li sellem lill-frontliners kollha, Grech saħaq li l-Gvern mhux talli nesihom fil-Baġit talli għadu lanqas daħħal daħħal fil-liġi Maltija d-direttiva Ewropea 2020/739 maħruġa fit-3 ta’ Ġunju li għadda li tinkludi l-Covid bħala Grad 3, li hu l-ogħla riskju ta’ marda li tittieħed minn fuq il-post tax-xogħol u allura tagħti ċertu benefiċċji lill-ħaddiema esposti għaliha.
“X’ironija! Fl-1 ta’ Ġunju l-Prim Ministru ħabbar li konna rbaħna l-pandemija u fl-ewforija nesa lill-frontliners,” inisista Grech.
Kien hawn li l-Grech sellem ukoll lil dawk kollha li mietu bil-Covid-19 u kkritika l-Gvern li pprova jiġġustifika kull mewta billi jgħid li dawn kienu anzjani jew inkella persuni li kellhom “kundizzjonijiet ulterjuri.”
“Dawn ħutna Maltin li kellhom tfal, neputijiet, aħwa, r-raġel jew il-mara tagħhom, ħbieb, u mhux ċittadini Maltin li minħabba l-kundizzjoni tagħhom ma jimpurtax li mietu,” insista Grech. “Dak li m'għamilx il-Prim Ministru, li jitlob apoloġija, se nagħmlu jien, f'isem l-Oppożizzjoni Nazzjonalista u f'isem il-poplu Malti u Għawdxi: Nitolbukom taħfrulna.”
Akkuża lill-Prim Ministru li meta ħa r-riedna f’idejh, fejn tidħol il-pandemija, rema x-xogħol, is-sagrifiċċji u r-riżultati li kiseb il-pajjiż.
Dak li m'għamilx il-Prim Ministru, li jitlob apoloġija, se nagħmlu jien, f'isem l-Oppożizzjoni Nazzjonalista u f'isem il-poplu Malti u Għawdxi: Nitolbukom taħfrulna
“Prim Ministru li ma tgħallimx mill-iżbalji tiegħu u f’dawn il-ġranet kejjel is-suċċess tal-Gvern għax qal li ma mietux l-eluf. Prim Ministru, ma tistax timxi bil-politika ta’ xejn mhu xejn fejn tidħol il-ħajja u s-saħħa tal-bniedem,” insista.
Kien hawn li saħaq li sal-lum ħadd għadu ma fehem x’seħħ fid-djar tal-anzjani u ħadd ma refa’ r-responsabbilità.
“Kont nistenna aktar mingħandek milli sempliċiment rolypoly,” qal il-Kap Nazzjonalista lis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis.
Vouchers għax-xiri tal-maskri u s-sanitisers u proposti oħra tal-PN...
Kien hawn li Grech għamel sensiela ta’ proposti li qed timbotta ‘l quddiem l-Oppożizzjoni biex tkun ikkontrollata l-imxija.
- Beda jħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jitwaqqaf Kumitat ta’ Sorveljanza Nazzjonali li jkun kompost minn esperti mediċi mill-oqsma kollha flimkien ma’ rappreżentanti tal-Gvern u l-Oppożizzjoni biex isir moniteraġġ tal-pariri li qed jingħataw u li jara li dawn ikunu qed jitwettqu fl-interess pubbliku.
- Tingħata direzzjoni biex b’mod immedjat kull persuna fis-settur pubbliku li jista’ jaħdem permezz ta’ remote working, jagħmel dan b’effett immedjat u jkun hemm inċentivi għall-ħaddiema fis-settur privat biex min jista’ jaħdem permezz ta’ remote working, jagħmel dan b’mod immedjat.
- Appella għat-tisħiħ tal-infurzar biex ma jkunx hemm loopholes u ħeġġeġ għal aktar appoġġ lil dawk listabbilimenti, bħall-bars u każini li qed isofru l-impatt ta’ dawn il-miżuri.
- Appella għat-tisħiħ tar-reġim sħiħ ta’ testing għal kull min jiġi Malta minn barra permezz ta’ rapid testing obbligatorju fil-points of entry kollha, mhux biss fl-ajruport, tal-pajjiż.
- Inċentivi biex postijiet bħal skejjel, Kunsilli Lokali u postijiet tax-xogħol jagħmlu rapid testing fuq skala kbira, b’dawk il-każijiet li jirriżultaw pożittiv jintbgħatu għall-test ulterjuri.
- Jiżdied voucher supplementari li jkun għax-xiri ta’ maskri, sanitisers u dak kollu li jista’ jintuża għall-prevenzjoni tal-imxija mill-familji sabiex jittaffa l-piż ta’ dawn l-ispejjeż.
‘L-akbar defiċit fl-istorja ta’ pajjiżna’
Għadda għall-analiżi tal-Baġit u insista li filwaqt li l-Gvern ftaħar li dan huwa l-aqwa Baġit fl-istorja tal-pajjiż, ikkwota mill-estimi ppreżentati mad-diskors li juru kif il-Gvern qed ibassar defiċit ta’ €1.2 biljun ewro defiċit ta’ €750 miljun oħra s-sena d-dieħla.
“Dan mhux l-aqwa Budget fl-istorja ta’ pajjiżna, dan huwa l-akbar defiċit fl-istorja ta’ pajjiżna!” insista l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Kien hawn li insista li l-estimi li qed jagħmel il-Gvern lanqas ma jagħmlu sens fosthom għax filwaqt li qed ibassar defiċit, qed jgħid ukoll li se jkun hawn aktar dħul mill-VAT, u allura aktar konsum, milli kien hemm fis-sena 2019.
“Fi żmien fejn it-turiżmu huwa 90% anqas mis-sena l-oħra, fejn il-qagħad irdoppja u fejn il-konsum naqas drastikament, jista’ l-Ministru tal-Finanzi jgħidilna minn fejn ser jiġu dawn it-taxxi? Ma nagħmlux mod illi ser issir xi kruċjata fuq l-imprendituri biex dak li ġie differit is-sena l-oħra jinġabar din is-sena meta dawn qiegħdin agħar mis-sena l-oħra? Ma nagħmlux mod li dawn l-istimi huma stimi fittizji intiżi biss biex jgħattu x-xemx bl-għarbiel?” staqsa l-Kap Nazzjonalista.
‘Nefaq fuq il-Baġit daqskemm jagħti kull sena lil Steward’
Il-Kap Nazzjonalista kompla jistaqsi fejn mar id-defiċit tal-Gvern, anke għax skont l-estimi, il-Gvern nefaq €120 miljun għall-Pandemic Assistance Scheme u insista li dan huwa ekwivalenti daqs jekk jieħdu kull sena Steward Health Care. “Ir-realtà hija li l-Gvern idejh marbuta bil-kuntratti li għamel ma’ Steward u mal-Electrogas.”
Kien hawn, li Bernard Grech spjega kif l-ekonomija Maltija ilha li bdiet turi sinjali ta’ tnaqqis qabel il-pandemija u insista li dan kien minħabba l-fatt li l-Gvern bena t-tkabbir ekonomiku fuq dawk li sejħilhom “steroids,” bħalma huma l-IIP, l-importazzjoni tal-ħaddiema u żvilupp bla rażan, fost oħrajn
“U aħna nafu l-isteroids fl-isports x’jagħmlu.Ituk xi ftit ta’ vantaġġ kompetittiv iżda wara jkollok tħallas prezz qares għalihom kemm għaliex huma lleċiti kif ukoll għaliex jerruk minn ġewwa. U dan huwa proprju dak li għamlulna l-Muscatonomics!” kompla Grech.
Grech b’lista ta’ miżuri li sejħilhom “irriċiklati”
Bernard Grech indirizza lill-Ministru Edward Scicluna u insista miegħu li l-importanti mhux kemm il-baġit ressaq imma kemm il-miżura kellu jirrepeti għal sena wara l-oħra dawn ma twettqux.
“Dan Gvern inkompetenti. Inkompetenza li qed jikkonfermaha wkoll il-Prim Ministru li jidher li se jħabbar reshuffle, għaxar xhur biss wara li kien għamel reshuffle oħra. U biex jagħmel reshuffle, kellu jġib in-nies minn barra!” kompla Grech.
Kien hawn li ta lista ta dawk il-miżuri li baqgħu ma twettqux. Fost dawn semma dawn il-miżuri:
- Venture Capital Fund li kien tħabbar fl-2015
- Bini ta’ housing soċjali – “wegħda mhux miżmuma u ripetuta;”
- Twaqqif tal-Awtorità għall-bini u kostruzzjoni
- Inizjattivi ta’ restawr u riġenerazzjoni ta’ siti
- Bini ta’ sptar ġdid psikjatriku
- Iktar investiment fl-Asset Recovery Bureau
- It-twaqqif ta’ Financial Organised Crimes Agency
- Command and Control Room fid-Depot
- Immodernizzar tat-taqsima tal-Forensika
- Dar tal-anzjani f’Għajnsielem –
- Għawdex: Pixxina, yacht marina, cruise liner terminal u l-baga għal cruise liners.
“Gvern tal-copy and paste,” kompla Grech.
Il-Gvern nesa lil Għawdex
Tkellem ukoll dwar Għawdex, bil-Kap Nazzjonalista jisħaq li Għawdex huwa litteralment minsi bil-Baġit li ressaq il-Gvern.
Fost oħrajn saħaq li l-Gvern naqas milli jindirizza l-problema tan-numru dejjem jiżdied tal-Għawdxin li jaħdmu f’Malta.
Spjega kif fl-2012 kien hemm 1,500 Għawdxi u Għawdxija jaħdmu f’Malta. Illum hemm 3,500.
“Konna qed nistennew li jitħabbru miżuri ċari ta’ kif ser jinħoloq ix-xogħol f’Għawdex u xogħol ta’ kwalità. Konna qed nistennew li bħala miżura temporanja għall-inqas dawk li qed jaħdmu f’Malta u kull fejn hu possibbli jingħataw jumejn fil-ġimgħa teleworking bi dritt u mhux jekk ikun irid biss d-direttur tagħhom,” insista Grech.
Kompla jgħid li l-Gvern injora wkoll l-isfidi li jiffaċċjaw żgħażagħ Għawdxin li jitilqu lejn Malta u li ma jistgħux ilaħħqu mal-kirjiet f’Malta.
Irridu niżnu sew kemm verament se nakkwistaw u kemm se nitilfu minn proġett bħal dan, jekk hemmx alternattivi ta’ kommunikazzjoni bejn Malta u Għawdex li huma daqstant ieħor effettivi u fattibbli daqs il-mina
Semma wkoll il-kriminalità u insista li spiċċa ż-żmien fejn l-Għawdxin kienu jħallu ċ-ċavetta fil-bieb tad-dar tagħhom.
“Rajna vot miżeru ta’ miljun ewro għall-kunċett ta’ eco Għawdex. Dan meta l-ambjent tal-gżira Għawdxija qed jieħu d-daqqa tal-mewt. L-iżvilupp bl-addoċċ u bil-barka tal-Gvern u l-awtoritajiet tiegħu huwa xi ħaġa li qed teqred is-sbuħija u l-attrazzjoni ewlenija ta’ Għawdex,” kompla Grech.
Akkuża wkoll lill-Gvern li qed jagħmel xejn biex tonqos id-differenza bejn il-paga medja f’Malta u dik f’Għawdex. Insista li llum il-paga medja f’Malta hija kważi 3,500 ewro fis-sena iżjed mill-paga medja f’Għawdex.
“Il-Gvern dan qed jinjorah. Aħna rridu li din id-differenza ma tibqax teżisti billi l-pagi f’Għawdex ikunu bħal f’Malta – dan jista’ jsir biss bi strateġija ċara li toħloq impjiegi ta’ kwalità,” kompla Grech.
Tkellem ukoll dwar il-fast ferry, imwiegħed mill-Partit Laburista fil-Manifest Elettorali. Saħaq li anke dan għadu ma seħħx minħabba “nuqqas ta’ trasparenza u t-taħwid fil-ħruġ tat-tender.”
“Dwar ir-raba’ vapur għall-Gozo Channel, il-Budget jitkellem fuq servizz ta’ kwalità meta sa’ llum lanqas l-anqas standards ta’ aċċessibilità ma ġew rispettati meta ġie introdott ir-raba’ vapur,” insista.
Iżda l-PN xi jrid għal Għawdex? U l-mina?
Il-Kap tal-Oppożizzjoni insista li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni ta’ mudell sostenibbli għal Għawdex li huwa mibni fuq erba’ prijoritajiet:
- Is-settur agro-kulturali;
- Turiżmu intern u estern;
- Is-settur diġitali; u
- L-ekonomija l-ħadra.
Dwar il-mina bejn Malta u Għawdex, saħaq li l-Partit Nazzjonalista diġà ddikjara li lest iħares lejn il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex
“Imma l-ewwel irridu nifhmu l-Għawdxin x’jaħsbu, x’verament iridu. Irridu niddiskutu bis-serjetà u noħorġu l-informazzjoni kollha kemm hi u nfiehmu lill-poplu kollu,” insista. “Irridu niżnu sew kemm verament se nakkwistaw u kemm se nitilfu minn proġett bħal dan, jekk hemmx alternattivi ta’ kommunikazzjoni bejn Malta u Għawdex li huma daqstant ieħor effettivi u fattibbli daqs il-mina.”
Insista li fuq kollox, il-PN ma jridx li jibda xi proġett ta’ mina qabel ma jitfassal masterplan dettaljat dwar l-iżvilupp f’Għawdex, il-kwalità tiegħu, l-ambjent u l-estetika.
Kompla jisħaq li dan il-pjan għandu jiġi mgħoddi b’liġi li ma tkunx tista’ tinbidel jekk mhux b’vot ta’ żewġ terzi u jekk hemm bżonn b’referendum.
“Pajjiżna ma jiflaħx u ma jistax iġorr din il-problema waħdu”
Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-immigrazzjoni u tenna l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni, jiġifieri li Malta ma tiflaħx aktar u ma tistax iġġorr il-problema waħedha.
Insista li l-ewwel u qabel kollox, biex tkun indirizzata din l-isfida, il-Gvern irid ikun kredibbli fil-fora Ewropea u internazzjonali.
“llum għandna Gvern li tilef il-kredibbilità u l-influwenza politika tiegħu u dan hu rifless anke fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Irridu jkollna strateġija li permezz tagħha nagħmlu ġlieda ħarxa lit-traffikanti ta’ dawn in-nies,” kompla l-Kap Nazzjonalista.
Tkellem ukoll dwar “l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin.”
Insista li ħadd ma jaf x’qed isir min dawn in-nies meta jispiċċa x-xogħol li jkunu inġiebu Malta għalih.
“Jibqgħu ta’ piż fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna,” insista Grech.
‘Il-kelma ambjent u l-kostruzzjoni mhuwiex għedewwa ta’ xulxin’
Wara li dar il-Baġit, kien hawn li l-Kap Nazzjonalista saħaq li jrid jispjega l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-pajjiż.
Semma diversi punti li l-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem fuqhom, iżda ewlenin fosthom tkellem fit-tul dwar l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. Insista li l-PN mhux talli ma jridx jestendi aktar iż-żoni tal-iżvilupp imma anke jrid jaħdem mal-industrija biex jinġiebu lura żoni dilapidati u jkunu mibdula f’żoni ħodor għal kulħadd.
“Aħna ninsistu li l-kliem “ambjent” u “kostruzzjoni” mhumiex għedewwa ta’ xulxin; mhumiex kontradittorji; waħda ma teskludix lill-oħra. Huma żewġ aspetti mill-istess natura. Huma aħna l-bnedmin, li b’abbandun totali ta’ ħsieb, raġuni, sens komun, b’mexxejja ġifa, u speċjalment b’regħba, kultant bla rażan u mill-aktar egoistika, ġellidna l-ambjent u l-kostruzzjoni,” insista Grech.
Insista li fl-ippjanar, il-pajjiż jeħtieġ jagħti valur mill-ogħla lill-estetika, lis-sbuħija tal-faċċati tad-djar u l-bini.
“Irridu li kull għajn titpaxxa hi u għaddejja mill-ibliet u l-irħula tagħna, sew il-partijiet storiċi tagħhom kif ukoll il-partijiet il-ġodda ... Irridu li l-ambjent urban tagħna jkollu spazji li jispiraw saħħa psikoloġika u saħħa mentali pożittiva li ma nistgħux insibuhom fil-gaġeġ mudlama u dojoq li qed nipprovdu llum f’ħafna binjiet li qed jitilgħu,” insista Grech.
Fil-fatt, Grech saħaq li punt ieħor li l-Baġit li ressaq il-Gvern nesa huwa dak tal-ambjent naturali.
Irridu li kull għajn titpaxxa hi u għaddejja mill-ibliet u l-irħula tagħna, sew il-partijiet storiċi tagħhom kif ukoll il-partijiet il-ġodda
Insista l-viżjoni tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista hija dik ta’ kwalità tal-ħajja aħjar li tinvolvi wkoll il-ħolqien ta’ spazji miftuħa ġodd u ħolqien ta’ parks naturali għat-tgawdija tal-familji tagħna.
“La l-Gvern qata' qalbu, noħolquhom aħna s-setturi ekonomiċi’
Il-Kap tal-Oppożizzjoni akkuża wkoll lill-Gvern li qata’ qalbu milli joħloq setturi ġodda għall-ekonomija u insista li allura se jkun il-Partit Nazzjonalista li jagħmel dan għax il-viżjoni tiegħu hija ta’ ekonomija li ma timxix fuq il-volumi iżda fuq il-kwalità.
“Se nibnu l-mudelli ekonomiċi l-ġodda fuq l-esperjenza li għandna u s-suċċessi li ksibna bil-għan ewlieni tagħna jkun li noħolqu impjiegi li jrendu u mhux impjiegi li jeżistu biss għaliex huma prekarji,” saħaq Grech.
Fi kliemu, din hija d-differenza fundamentali bejn il-mudell ekonomiku ta’ Robert Abela, li ddeskrivih mill-ġdid “Muscatonomics” u l-mudell tal-Oppożizzjoni: “intom tibnu fuq il-konsum u żvilupp bla rażan biex il-poplu jgawdi mill-loqom li jibqa’ u aħna nibnu l-ekonomija fuq sisien sodi li jagħtu valur miżjud kbir u li jrendi pagi ogħla u aħjar għall-ħaddiema kollha.”