Aġġornata | Żewġ anzjani jmutu bil-Covid-19 fl-aħħar sigħat

Dan ifisser li l-għadd tal-vittmi tal-Covid-19 f'Malta issa tela' għal 55

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li żewġ anzjani tilfu ħajjithom bil-Covid-19 fis-sigħat li għaddew.

L-ewwel każ kien ta' anzjan ta’ 70 sena miet waqt li kien pożittiv bil-Covid-19.

L-anzjan iddaħħal l-isptar Mater Dei fil-15 ta’ Ottubru u rriżulta pożittiv għall-Covid-19 dakinhar stess. Huwa baqa’ jingħata kura fl-isptar Mater Dei fejn miet ilbieraħ.

Aktar tard, fi stqarrija oħra, il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar il-mewt ta' anzjana ta’ 88 sena.

L-anzjana kienet ikkonfermata pożittiva fl-20 ta’ Ottubru u ddaħħlet l-Isptar Mater Dei fil-21 ta’ Ottubru. Hija baqgħet tingħata kura fl-Isptar Mater Dei fejn mietet aktar kmieni llum.

Il-Ministeru għas-Saħħa, filwaqt li jagħti l-kondoljanzi lill-familjari tal-anzjana, jappella biex il-poplu jibqa’ jsegwi l-appelli tad-Dipartiment tas-Saħħa, fosthom il-ħasil tal-idejn ta’ spiss, id-distanza fiżika u l-użu tal-maskra kullimkien.

More in Politika