L-aqwa ħamsa tal-Baġit ... imma x'qed jgħidu dwarhom?

Il-gazzetta ILLUM ħadet dawk li fl-opinjoni tagħha huma l-aqwa ħames miżuri tal-Baġit 2021 u staqsiet lil Andrew Agius Muscat, Philip Fenech, Oliver Scicluna, Tony Zarb u Sandro Chetcuti x'jaħsbu dwarhom...

Il-Baġit 2021 mressaq il-ġimgħa l-oaħra
Il-Baġit 2021 mressaq il-ġimgħa l-oaħra

Din il-ġimgħa tħabbar id-disa' baġit ta' Gvern Laburista u kif l-ILLUM tagħmel kull sena l-Ħadd ta' wara, se tevalwa ftit mill-miżuri li ttieħdu u li qed insejħulhom 'L-aqwa ħamsa' - mill-ottika u l-fehma editorjali tal-gazzetta ILLUM.  Għal kull waħda se nerġgħu lura għad-diskors tal-Baġit u naraw x'qal eżatt il-Ministru Scicluna dwar din il-miżura.  Wara nistaqsu lil xi ħadd f'settur li tolqtu dik il-miżura biex janalizzaha fil-qasir u jagħti wkoll reazzjoni qasira għaliha. 

Għalhekk dwar il-miżura tal-vouchers jwieġeb Philip Fenech, dwar il-Wage Supplement iwieġeb Andrew Agius Muscat, dwar il-miżuri relatati mad-diżabilità jwieġeb Oliver Scicluna, dwar il-pensjonijiet iwieġeb Tony Zarb u dwar il-proprjetà Sandro Chetcuti.

1 - Wage Supplement 

X'qal il-Ministru? "Sal-lum permezz tal-COVID Wage Supplement issalvagwardjajna mal-100,000 impjieg u tajna għajnuna lil aktar minn 20,000 kumpanija. Il-Gvern qed janalizza kontinwament l-andament ekonomiku u jadatta l-miżura skont il-bżonnijiet.  Għalhekk wara li tkellimna ma’ diversi msieħba soċjali se nkunu qed nestendu din l-għajnuna sal-aħħar ta’ Marzu 2021 ... nistgħu naraw li nimmodifikaw din il-miżura sabiex naraw li l-akbar għajnuna tkun indirizzata lil min l-aktar għandu bżonn."

X'jaħseb Andrew Agius Muscat? Mal-ILLUM Andrew Agius Muscat, Kap Eżekuttiv tal-MHRA, fakkar illi l-estensjoni ta' din il-miżura kienet proposta tal-assoċjazzjoni u saret għax ladarba l-pandemija għadha magħna u ġejja x-xitwa - li jfakkar illi huwa żmien normalment ħażin għat-turiżmu -  "wieħed bilfors irid jaħseb għal dak li huwa bażiku."

"U l-bażiku huwa li l-impjegaturi jsalvaw l-impjiegi u jżommu l-ħaddiema għal bosta raġunijiet," sostna Agius Muscat.  Huwa fakkar li ħadd ma jieħu gost jitlef nies li jkollhom l-esperjenza u li jkunu mrawwmin fix-xogħol. 

"Is-settur turistiku niżel għal żero u ma jidhirx li l-affarijiet se jitranġaw malajr.  Allura din il-miżura hija tajba għax tgħin lis-sidien jippruvaw iżommu dawk il-ħaddiema."

Huwa hawn li Agius Muscat jgħid lill-gazzetta ILLUM li sakemm impjegat jitlaq minn lukanda u jmur jaħdem f'oħra kollox sew, "imma jekk il-ħaddiema se jibdew imorru f'setturi oħrajn se nidħlu fir-riskju ta' brain drain.  Aħna nemmnu li s-settur turistiku se jirpilja u meta jirpilja se jkollna bżonn lin-nies."

Huwa temm jgħid li għalhekk il-Wage Supplement mhijiex is-soluzzjoni għall-problemi li ħolqot il-pandemija, imma sejħilha "kontribut kbir sabiex inkunu nistgħu nżommu fil-wiċċ.  Naħseb li l-miżura tal-Wage Supplement hija kisba għal pajjiżna."

2  - Vouchers

X'qal il-Ministru?  "Ser nerġgħu nniedu skema oħra għas-sena d-dieħla b’din id-darba il-€100 vouchers se jkunu qed jinqasmu f’€60 li jistgħu jissarrfu f’akkomodazzjoni, lukandi u ristoranti filwaqt li €40 vouchers jistgħu jissarrfu fil-ħwienet u servizzi. Il-vouchers ser jitqassmu lil kull min ikun għalaq 16-il sena." 

X'jaħseb Philip Fenech?  Mal-ILLUM Philip Fenech, li jmexxi is-sezzjoni tat-Turiżmu u Divertiment tal-Kamra tal-SMEs, qal illi din il-miżura ċertament illi hija waħda tajba ħafna li għenet "għax imliet dak in-nuqqas, kemm fil-konsum u anke fil-kunfidenza li kien hemm."  Huwa qal illi l-miżura fissret li ħafna nefqu mhux biss dak li kellhom fuq il-voucher imma naturalment, aktar minn hekk. 

Huwa qal illi apparti l-effetti ekonomiċi kien hemm ukoll l-effett soċjali, għax qal li permezz ta' din il-miżura n-nies ħarġu u raw kif inhi l-ħajja f'din ir-realtà l-ġdida. 

Dwar il-fatt li ristoranti u lukandi se jieħdu inqas - jiġifieri €60 minflok €80 - Fenech sostna illi dan kien parti mid-diskussjonijiet li saru fejn ittieħed kont tal-fatt li ħwienet oħrajn fil-bejgħ bl-imnut ukoll intlaqtu b'mod ħażin.  Dawn jinkludu ħwienet tal-ħwejjeġ, taż-żraben u aktar li wkoll, ifakkar Fenech, jiddependu direttament jew indirettament mit-turiżmu.  Ifakkar li f'ċerti lokalitajiet normalment ikollok infiq qawwi mit-turist. 

"Is-suġġeriment tiegħi personali huwa li tant kienu suċċess dawn il-vouchers u peress li nafu li s-sitt xhur li ġejjin mhux se jkunu faċli, se jkollna bżonn aktar għajnuna."

Għalhekk Fenech ippropona li minflok il-Gvern joħroġ żewġ settijiet ta' vouchers - wieħed ta' €100 issa għall-perjodu tal-Milied u ieħor f'Jannar li jibqa' għaddej sal-perjodu tal-Għid. 

Għar-rimarka tal-ILLUM li din tfisser spejjeż fakkar illi għalkemm in-nefqa taf tidher kbira, "meta il-Gvern jieħu lura dak li huwa dirett u indirett tinduna li mhux qed joħroġ daqstant.  Miżura bħal din taċċerta ftit aktar sostenibbilità għan-negozji tagħna."

3 - Miżuri għal persuni b'diżabilità

X'qal il-Ministru? "Minn Jannar se nintroduċu benefiċċju ġdid għall-ġenituri li jkollhom jieqfu mix-xogħol biex jikkuraw wild b’diżabbiltà fl-età ta’ aktar minn 16-il sena u li jkunu intitolati għall-Assistenza Miżjuda għal Diżabbiltà Severa.  Il-benefiċċju, bl-isem ta’ Għotja għal Carer, ser jkun ta’ €300 fis-sena ... baġit allokat biex minnu numru ta’ taxis ġodda, jingħataw għotja ta’ €10,000 mar-reġistrazzjoni ta’ vettura ta’ taxi ġdida li tkun aċċessibbli għas-siġġu tar-roti (WAT)."

X'jaħseb Oliver Scicluna? Scicluna li jmexxi l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b'Diżabilità (KNPD) qal illi dawn il-miżuri, bħall-baġit, huma pożittivi  għalkemm qal ukoll li kien hemm baġits oħrajn fejn kien hemm aktar miżuri relatati ma' dan is-settur.  "Jiena ma stennejtx mod ieħor minħabba ż-żmien li qegħdin fih.  Fil-fatt ressaqna l-proposti tagħna biex ngħidu ressaqnihom - pero' tal-carer hija waħda mill-proposti tagħna li ġiet aċċettata."

Scicluna qal mal-ILLUM illi huwa pożittiv li sa fl-aħħar din il-miżura kienet rikonoxxuta għalkemm wera' riżervi dwar kemm l-ammont annwali ta' €300 hija biżżejjed biex tħeġġeġ lil xi ħadd jitlaq mill-impjieg.  "Il-punt tat-tluq imma huwa pożittiv."

Huwa qal li l-miżura tat-taxis diġa' fil-fatt qegħda fis-seħħ għalkemm hemm problemi minħabba l-prezzijiet li jiddeskrivi bħala "ħafna aktar" għal persuni b'diżabilità li jkollhom jużaw tali karozzi milli għal persuna li ma jkollhiex dawn l-isfidi. 

Għalhekk huwa qed jipproponi li l-Gvern joffri s-servizz huwa wkoll ta' taxi għal persuni b'diżabilità, anke jekk dan ikun ifisser li qed jikkompeti mal-privat li jsostni illi ma jemminx li qed joffri prezzijiet raġonevoli. 

Irrimarka kif apparti dawn, miżura oħra pożittiva hija dik li permezz tagħha aktar nies se jkunu qed jieħdu l-allowance tad-diżabilità. 
Scicluna temm il-kummenti tiegħu bi premessa importanti:  "Niżbaljaw imma jekk persuni b'diżabilità jħarsu lejn fejn hemm il-kelma diżabilità biss.  Jekk vouchers, jekk servizzi ġodda, jekk toroq ġodda, jekk żieda fil-pensjoni, jekk wage supplement ... dawn kollha se jgawdu minnhom ukoll, persuni b'diżabilità."

4 - Pensjonijiet

X'qal il-Ministru? "Għal darb’oħra l-pensjonanti, barra miż-żieda tal-COLA, se terġa’ tingħatalhom żieda oħra ta’ €3.25 fil-ġimgħa li magħduda maż-żieda għall-għoli tal-ħajja titla’ għal €5 fil-ġimgħa.  Din tfisser żieda ta’ €260 fis-sena ...  mill-ġdid se ngħollu l-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet, li mhux se jkun intaxxat, għal €14,058."

X'jaħseb Tony Zarb? Zarb li huwa l-aġent Segretarju tat-Taqsima Pensjonanti tal-GWU sostna illi apparti dawn il-miżuri wieħed irid jgħodd ukoll il-vouchers u numru ta' mediċini li issa qegħdin fuq il-formolarju.  Huwa qal li fil-fatt il-unjin qed tipproponi li kull voucher ikun ta' €10 jew €15 biex tirrifletti wkoll l-ispiża ta' kemm jonfoq pensjonant meta jmur jieħu xi ħaġa.

Għall-kritika li xi kultant issir li "mhux biżżejjed", Zarb jgħid lil din il-gazzetta, "aħseb u ara meta għal snin twal ma kienu jieħdu xejn u meta għal snin twal lanqas kienu jieħdu ż-żieda kollha tal-COLA."

Tony Zarb qal li dan apparti li wieħed jeħtieġ iqis li ż-żieda fil-pensjoni qed issir fl-ambitu ta' miżuri oħrajn li qed jagħtu mhux jieħdu.  "Inti immaġina jiżdiedu b'€10 minflok il-pensjonijiet imma mbagħad fl-istess ħin ikollok miżuri u taxxi li qed jieħdu minn naħa l-oħra.  F'dan il-każ apparti ż-żieda għandek miżuri oħrajn li qed jagħtu, mhux jieħdu."

Tony Zarb
Tony Zarb

5 - First Time Buyers

X'qal il-Ministru? "Fil-każ tal-First Time Buyers, minn għada, se jkunu eżenti mit-taxxa tal-boll fuq l-ewwel €200,000 minflok fuq l-ewwel €175,000. Qed inħabbar ukoll li r-rata mnaqqsa ta’ 3.5%, fejn jidħol xiri ta’ dar fejn wieħed joqgħod, anki jekk mhux first time buyer, u għal dawk li diġà jgħixu ġo dar li titħalla lilhom b’wirt, se tkun applikabbli wkoll fuq l-ewwel €200,000."

X'jaħseb Sandro Chetcuti?  "Il-First Time Buyer huwa l-aktar persuna jew koppja li għandha bżonn  l-għajnuna għax qed jagħmlu dan l-investiment - l-akbar li tista' tagħmel f'Malta - għall-ewwel darba."

Hekk sostna mal-ILLUM il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltijn (MDA) li fakkar li ħafna drabi l-flus li persuni jiffrankaw mit-taxxa tal-boll jintużaw biex timtela' d-dar.  "Fuq €200,000 ikollok mas-€7,000 li tiffranka.  mhux ftit," sostna Chetcuti. 

Huwa qal li wieħed jifhem illi l-propjetà togħla u allura il-€25,000 żieda fil-valur ta' proprjetà eżenti mit-taxxa hija wkoll riflessjoni ta' dan. 
Mistoqsi jekk jistenniex  mewġa ta' bejgħ wara din il-miżura l-President tal-MDA jgħid li waħedha mhux toħloq mewġa ta' bejgħ imma "permezz tagħha komplejna noħolqu interess fis-suq tal-proprjetà u komplejna nissalvagwardjaw lil kull min investa." 

More in Politika