Cyrus Engerer elett Membru tal-Parlament Ewropew

Dan wara li Miriam Dalli rriżenjat mill-Parlament Ewropew hekk kif ġiet co-opted fil-Parlament Malti

Cyrus Engerer rebaħ l-elezzjoni każwali u għalhekk se jkun qed jieħu post Miriam Dalli bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

B’kollox seba’ kandidati tefgħu n-nomina tagħhom.

Dalli rriżenjat mill-Parlament Ewropew wara li ġiet co-opted fil-Parlament Malti.

Engerer rebaħ 17,798 vot wara li l-kandidati l-oħra kollha ġew eliminati. Warajh kien hemm l-eks editur tal-Orrizont u l-eks uffiċjal ta’ Kastilja, Josef Caruana li kiseb 15,683 vot.

Bħal fil-każ tal-elezzjoni li seħħet is-sena li għaddiet, il-voti ngħaddu b’mod elettroniku.

Cyrus Engerer huwa gradwat fil-Liġi Ewropea, Politika u Ekonomija mill-Università ta’ Malta u b’Masters fil-Politika Ewropea mill-Kulleġġ tal-Ewropa fil-Belgju. Bejn l-2014 u l-2019, Cyrus Engerer serva bħala l-mibgħut tal-Prim Ministru f’istituzzjonijiet Ewropej, fejn waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mexxa n-negozjati f’isem il-Kunsill mal-Parlament Ewropew.

Sa minn Jannar tal-2020 huwa serva bħala konsulent strateġiku ewlieni fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar. Huwa wkoll attivist għad-drittijiet ċivili u kien fuq quddiem f’diversi kampanji f’Malta li xprunaw l-introduzzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ċivili.
 

More in Politika