Malta mhux riesqa lejn lockdown. Hekk qal ċar u tond il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif bdew iduru spekulazzjonijiet fuq il-midja soċjali.
Waqt li rrefera għal screenshot li kien qed iħabbar lista ta’ miżuri ġodda, bażikament lockdown ieħor, Abela insista li dan mhux se jsir.
“Ma nafx dan minn fejn ġie imma nista’ nikkonferma li mhux se sejrin għal lockdown totali," insista Abela.
Mistoqsi jekk jaqbilx li persuni jilbsu l-maskri anke jekk qed jimxu waħedhom fil-kampanja, il-Prim Ministru insista li mhux se jikkontradixxi lil Charmaine Gauci u lil Chris Fearne.
“Importanti li nifhmu fejn qegħdin. Id-dinja qed tmur għal lockdowns totali. Aħna qed ngħixu bir-restrizzjonijiet iżda qed inkomplu b’ħajjitna. Irridu nkunu attenti biex ma nillaxkawx. Irridu nevalwaw x’se jiġri jekk inneħħu miżuri u jekk dan ifissirx li jkollna ndaħħlu oħrajn aktar ħorox fil-ġimgħat ta’ wara. Din xi ħaġa li ma rridux nagħmlu,” insista.
Bħalissa f’Malta, l-użu tal-maskri huwa mandatorju kullimkien, il-bars u l-każini ingħalqu għal xahar. Ma jistax ikun hemm ġemgħat ta’ aktar minn sitt persuni.