L-Avukat Għawdxi Joseph Ellis rebaħ l-elezzjoni każwali li saret fuq it-13-il distrett biex jimtela' s-siġġu Parlamentari ta' Frederick Azzopardi, id-Deputat Nazzjonalista li miet ftit tal-jiem ilu.
Fl-aħħar elezzjoni, Azzopardi kien elett bis-saħħa tal-mekkaniżmu korrettiv li ta żewġ siġġijiet żejda lill-Partit Nazzjonalista.
Ellis kien elett b'1,968 vot. Ikkontestaw ukoll Censu Galea, Ryan Mercieca, Maria Portelli u Jason Zammit.
Ftit tal-jiem ilu, il-Partit Nazzjonalista ddisassoċja ruħu mill-eks kandidat tiegħu Ryan Mercieca hekk kif qed ikun investigat mill-kumitat ta' etika.
Madanakollu Mercieca mar kontra l-istruzzjonijiet mogħtija lilu mill-PN u kkontesta bħala kandidat indipendenti.
Joe Ellis huwa l-Avukat li jirrappreżenta lir-Ramblers Association u huwa wkoll kittieb regolari fuq il-gazzetta ILLUM fejn għal diversi snin kien ukoll wieħed mill-opinjonisti tagħha.