Analiżi | Abela: Komunikattiva tajba u kunfidenti, imma ...

L-għada tad-diskors ta' Grech, tkellem il-Prim  Ministru Robert Abela. Kellu, dak li deher bħala l-aqwa diskors tiegħu sa issa, b'komunikattiva b'saħħitha u li sar b'kunfidenza u botti inċiżivi. Imma xi kultant mar oltrè ...

L-għada li tkellem Bernard Grech għamel id-diskors tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela f'reazzjoni.  Kollox ma' kollox dak tal-Prim Ministru kien diskors b'saħħtu ħafna, b'botti tajbin pero' li xi minn daqqiet intużaw wisq, magħmul biex jipproġetta immaġini ta' Gvern u Grupp Parlamentari magħqud u bbażat fuq baġit li kien hemm qbil pożittiv kważi anonimu dwaru. 

Il-Baġit li ressaq għamel l-affarijiet faċli għal Robert Abela

Il-Baġit li ressaq Abela stess ta impetu qawwi lid-diskors tiegħu.  Ma kellux iqum jgħid 'we have to bite the bullet' jew 'il-bolla balla' u lanqas kellu jgħid 'nissikkaw iċ-ċinturin' jew inkella 'għalissa nbatu u għada naqtgħu l-frott' kif forsi, forsi xi darba se  jkollu jgħid.  Abela kellu jirreaġixxi dwar baġit ippreżentat minnu stess li fih elenku sħiħ ta' miżuri li wieħed ma jistax isib nuqqasijiet fihom:  Il-vouchers, il-wage supplement, iktar eżenzjoni ta' taxxa mill-ewwel proprjetà li tixrtri persuna, ċekkijet tat-taxxa, tnaqqis fit-taxxa għal bejgħ u xiri ta' proprjetà, żieda fil-pensjonijiet - għas-seba' darba - u ħafna aktar. 

Dawn huma kollha miżuri li qed jolqtu settur tas-soċjetà jew inkella saħansitra firxa wiesa' tal-popolazzjoni - primarjament il-Wage Supplement. 

Il-fatt li l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti, il-Kamra tal-SMEs (GRTU), Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem (MEA),  L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, il-General Workers' Union u l-Forum Unions Maltin kollha ħarġu b'reazzjonijiet favorevoli għall-Baġit, għen mhux ftit biex tissaħħaħ l-immaġini u l-perċezzjoni ta' Gvern li jaf x'inhu jagħmel. 

Minkejja punti ta' kritika minn dawn l-organizazzjonijiet jew oħrajn, il-fatt li dan l-eżerċizzju finanzjarju, pero' wkoll ta' strateġija politika u ta' relazzjonijiet pubbliċi jingħata ċertifikat pożittiv fih ċerta toqol. 

U allura Abela seta' jippompja narrattiva pożittiva, hemm min jgħid li xi kultant iżżejjed, f'dawn il-miżuri, l-effett tagħhom fuq il-but u l-għan tagħhom b'kumdità u b'suċċess.  Fil-fatt il-kritika tal-Oppożizzjoni ftit jekk xejn kienet dwar il-miżuri infushom - iktar kienet tiċċentra madwar il-bżonn ta' strateġija għall-futur - li huwa tajjeb u neċessarju, pero' mhux biżżejjed.  Il-poplu jimpurtah mill-futur, pero' jimpurtah ukoll mill-but u l-impjieg illum - u filwaqt li Abela qatta' sagħtejn jitkellem dwar kif il-poplu se jintlaqat għax-xhur li ġejjin, Grech (ara paġni 8 u 9) kien mitluf f'ideat u viżjonijiet li baqgħu xi ftit jew wisq fl-arja. 

Naturalment, għalkemm il-paraguni huma odjużi, il-PM kien b'saħħtu meta qabbel ir-reazzjoni tal-Gvern illum għall-kriżi ekonomika ma' dik tal-2008 u s-snin ta' wara. Fil-verità kemm dik il-kriżi affetwat lil Malta u anke l-pandemija u t-tnejn kellhom effett negattiv fuq il-pajjiż.  Il-fatt jibqa' iżda illi qatt fl-istorja moderna tad-dinja -  u ta' Malta wkoll allura -  ma kellek kważi tliet xhur fejn litteralment setturi sħaħ jieqfu b'mod assolut.  Qatt fl-istorja tas-settur turistiku ma kellek dan is-settur jieqaf b'mod komplet u qatt fl-istorja ekonomika u politika ma kellu jingħalaq l-ajruport, b'mod kważi komplet, għal aktar minn ġurnata jew tnejn!  Allura l-paraguni, sa ċerta punt, jgħoddu u anke jekk ma jgħoddux in-nies qed jagħmluhom. 

Naturalment Abela kompla jsammar il-messaġġ li "għal Bernard Grech qabel l-2013 kien l-aqwa żmien" għax jaf illi meta jagħmel hekk qed ipinġi immaġini ta' partit li qed jiddefendi dak kollu li seħħ qabel l-2013 - xi ħaġa li ma tantx tinżel tajjeb mat-tieni u l-akbar mewġa ta' switchers li vvutaw lill-PL fl-2013 propju biex jikkastigaw (bil-kbir) lil dak il-Gvern, minħabba fost oħrajn, ċerti miżuri li saru.

Prestazzjoni u preżentazzjoni tajba ħafna 

Wieħed irid jasal għall-konklużjoni li l-prestazzjoni ta' Abela kienet waħda tajba għaliex kien 1) Preparat u ftit li xejn li ħa żbalji u 2) kellu tonalità li żammet lit-telespettaturi jsewgu. 

Ejja nibdew b'din tal-aħħar.  Kif għidna fl-analiżi ta' qabel din, it-tonalità hija importanti u għalkemm Abela għadu ma ottjeniex is-saħħa tal-oratrija li kellhom l-akbar oraturi - nhar it-Tnejn kien hemm ċerta kontinwazzjoni, komunikattiva u tonalità li għamlet id-diskors ta' Abela wieħed iktar faċli biex issewgi.  Il-Prim Ministru kien b'saħħtu fejn kellu jkun u spjega fejn kellu jispjega, b'tonalita newtrali fejn hemm bżonn u oħra ta' emfasi, meta kien hemm bżonn. 

Suġġettivament mhux se ngħidu li kien l-aqwa diskors ta' Prim Ministru, imma definittivament li kien l-aqwa ta' Abela sa issa u li tah impetu li kellu bżonn.  Bin-numri neżlin fis-sondaġġi - għat-tieni darba skont is-sondaġġi xjentifiċi tal-Mediatoday u kritika ma taqta' xejn fuq il-midja soċjali, kif ukoll b'dikjarazzjonijiet li għamel Abela u ċerta attitudnijiet li ħa fuq il-Covid-19, dan il-Baġit kien pawża tajba u impetu tajjeb għalih u għall-Partit Laburista. 

Kienet bdiet dieħla sew il-perċezzjoni u sentiment li Abela huwa politiku ħafna inqas kunfidenti mill-predeċessur tiegħu, li jieħu ċerti żbalji strateġiċi li l-PL ma kienx jieħu, li ma għandux lit-tim kollu warajh u li qed jiżloq 'l bogħod mill-ideali soċjalisti u eqreb lejn il-populiżmu f'dak li jirrigwarda kwistjonijiet bħall-immigrazzjoni. 

Naturalment tajjeb kemm kien tajjeb dan id-diskors, mhux se jagħmel mirakli u l-isfidi għadhom hemm u l-PM xorta jibqa' fir-riskju li jkun ikkritikat u jirrabja firxa ta' votanti jekk ma jkunx iktar kawt dwar dak li jgħid, jekk jerġa (per eżempju) jaħfer - jew jagħti l-impressjoni li qed jaħfer - il-multi u jekk is-sitwazzjoni tal-Covid-19 ma tinġiebx taħt kontroll, speċjalment jekk il-pjani fuq il-vaċċin ma jmorrux kif ippjanat. 

Hemm ħafna fatturi li huma lilhinn mill-kontroll ta' Abela li jistgħu jilagħbu serjament mal-fortuni politiċi tiegħu fix-xhur li ġejjin. 

Il-Prim Ministru deher ukoll preparat u ħa ftit li xejn żbalji waqt id-diskors tiegħu, filwaqt li fl-ebda ħin ma deher konfuż jew li qed jiddependi wisq minn noti quddiemu u allura - kuntrarjament għal Grech - id-diskors kellu element ta' spontanjetà.  L-ispontanjetà, anke fil-mod kif politiku jirreaġixxi għall-botti jew kummenti minn naħa l-oħra, hija importanti sabiex diskors ikun animat u jattira interess. 

Irid joqgħod attent li ...

Abela kien b'saħħtu meta għadda botti lejn Bernard Grech, botti politiċi inċiżivi u ħafna drabi mingħajr tidwir.  Il-problema hija li xi kultant inħass li kien hemm wisq minn dawn il-botti u li f'punt minnhom beda jinħass li kien qed isir wisq emfasi fuqhom.

Kien hemm ċerta botti imbagħad li ma kinux jirriflettu maturità - per eżempju li l-VAT is-sena d-dieħla se titħallas kollha minn Bernard Grech, jew inkella l-"irresponsabilità tal-PN li għamel elezzjoni f'nofs pandemija"- meta kien hemm mekkaniżmu demokartiku li skatta u li kellu jiġi rispettat u wara li minkejja aktar minn 18,000 tesserat li marru jivvutaw ma rriżultawx każi minn din l-elezzjoni.  Jekk xejn l-elezzjoni interna fi ħdan il-PN kienet organizzata tajjeb biżżejjed biex kemm jista' jkun ġew evitati s-sitwazzjonijiet kollha li jistgħu jwasslu għal xi forma ta' imxija ta' Covid-19 fost it-tesserati. 

Abela jrid joqgħod attent illi meta jipprova jċekken lill-avversarju tiegħu jagħmel dan b'intelliġenza u b'dinjità - kif fil-fatt għamel meta beda jwissi lil Adrian Delia biex joqgħod attent u ma tantx jaqbeż għall-kollegi tiegħu  - u mhux b'mod li jidher illi jibni immaġini ta' politiku immatur. 

Xi kultant, jekk mhux attent, Abela jista' jitrażmetti sens ta' arroganza iktar milli ċertezza u kunfidenza u din naturalment hija xi ħaġa li Abela jeħtieġ jaħdem fuqha. 

More in Politika