‘Irridu li Għawdex ikun fiċ-ċentru u mhux sempliċi annex ta’ Malta'

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni jilmentaw li l-Gvern qed jinsa lil Għawdex kemm fejn jidħol ix-xogħol, l-aċċessibbilità u anke l-ambjent

Nissaħħu flimkien biex Għawdex ikun fiċ-ċentru tal-politika tagħna u mhux sempliċi annex ta' Malta jew minsi.” Hekk saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjega l-pjan li għandu l-Partit Nazzjonalista għal Għawdex aħjar u isbaħ. 

Said qal li l-baġit ma indirizzax il-problemi tal-Għawdxin għax, fi kliemu, fost oħrajn ma qal xejn dwar l-Għawdxin li jaħdmu Malta minkejja li l-Gvern kien wiegħed li se jsibilhom xogħol f’Għawdex.

Fakkar li l-paga medja f’Għawdex hija €3,000 fis-sena inqas minn dik f’Malta u l-ħaddiem Għawdxi qed jaħdem xahrejn kull sena għalxejn meta mqabbel mal-ħaddiem Malti. 

Insista li lanqas ma ġiet indirizzata l-problema tal-iżvilupp, li fi kliemu “qed teqred” l-isbuħija ta’ Għawdex. 

Kompla jisħaq li bidla drastika fit-tessut soċjali qed iżżid il-problemi soċjali f’Għawdex u anke r-rata ta’ kriminalità. 

Chris Said qal li l-Gvern ġie jaqa’ u jqum mis-saħħa tal-Għawdxin meta biegħ l-isptar ġenerali u issa l-Għawdxin u fih għadu ma sar xejn minkejja li dan suppost tlesta sentejn u nofs ilu.

Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar li spjega li il-PN qed ipoġġi lil Għawdex bħala wieħed mit-12-il pilastri tal-viżjoni tiegħu.

Huwa tkellem dwar l-aċċessibbiltà u fakkar fil-fast ferry li baqa’ ma sarx u r-raba’ vapur “bi standard baxx u mhux aċċessibbli minn kulħadd.”

Dwar il-mina, Cutajar qal li l-Gvern għadu jinħeba wara l-iskuża tal-istudji u ma weriex x’se jsir. 

Huwa qal li l-Gvern qed jonqos milli jwettaq il-proġetti kapitali li kellu jagħmel, fosthom: il-faċilitajiet tal-cruiseliners, il-park tal-familja fil-Qortin u l-breakwater ta’ Marsalforn. 

Intant, id-Deputat Parlamentari ġdid Joe Ellis qal li Għawdex qed jaffaċċja brain drain bin-nuqqas ta’ opportunitajiet li hemm, u insista li biex tkun indirizzata din il-problema hemm bżonn aktar investiment f’xogħol għall-Għawdxin. 

“Għawdex bis-sbuħija naturali tiegħu hu l-post ideali fejn bosta mix-xogħolijiet il-ġodda jistgħu jsiru b’mod remot,” insista Ellis waqt li akkuża lill-Gvern li qiegħed jiffoka żżejjed fuq impjiegi li jħallsu pagi baxxi u b’kundizzjonijiet prekarji minflok ħolqien ta’ attivitajiet b’valur miżjud illi jiġġeneraw impjiegi ta’ kwalità u li jħallsu.

More in Politika