‘L-ajruplan huwa fost l-aktar postijiet siguri fejn tista’ tkun bħalissa’ - Air Malta

Xi protokolli qed tuża l-Air Malta? Bħalissa sigur li tkun fuq ajruplan? Għaliex? L-ILLUM tistaqsi lill-Air Malta

L-iddiżinfettar tal-ajruplan
L-iddiżinfettar tal-ajruplan

“L-ajruplan huwa wieħed mill-aktar postijiet siguri fejn tista’ tkun bħalissa.” Hekk saħqu mal-ILLUM uffiċjal tal-linja nazzjonali tal-Ajru, Air Malta, hekk kif il-gazzetta kellha laqgħa virtwali magħhom biex tifhem aħjar il-miżuri ta’ prevenzjoni li qed jittieħdu fuq l-ajruplani matul u bejn titjira u oħra.

Il-gazzetta ILLUM iltaqgħet magħhom wara ilment li għamel magħha infermier li tela’ Londra jakkumpanja pazjent lejn Malta. Dan ilmenta dwar nuqqas ta’ tindif tal-ajruplan bejn titjira u oħra. 

Madanakollu, il-kelliem tal-Air Malta Stephen Gauci, spjega kif l-ilmenti ta’ dan il-passiġġier ġew investigati u hemm spjegazzjoni għalihom waqt li spjegaw ukoll il-miżuri li qed jittieħdu abbord l-ajruplani.

Gauci beda jispjega kif il-miżuri ta’ mitigazzjoni li ttieħdu mil-linja nazzjonali tal-ajru huma ħafna u saħansitra kinet proattiva fid-deċiżjonijiet li ħadet biex tnaqqas ir-riskju għall-passiġġiera tagħha.

“Bħala linja tal-ajru ilna naħdmu kontra epidemiji u pandemiji għal diversi snin,” saħaq Gauci. Fakkar f’mard bħas-Sars u oħrajn u għalhekk insista li diġà kellhom l-esperjenza biex idaħħlu miżuri ta’ prevenzjoni minnufih.

Kompla jfakkar kif minn Jannar l-Air Malta bdiet timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-ECDC (Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Mard), fost oħrajn, filwaqt li żżomm kuntatt kontinwtu mal-awtoritajiet lokali tas-saħħa.

Ajruplan meta jiġi ssanitizzat?

Gauci beda jispjega l-protokolli li magħhom qed timxi l-Air Malta. Spjega kif fil-każ ta’ Londra, sa issa mhijiex meqjusa bħala destinazzjoni ta’ riskju għoli.

Għalhekk il-protokolli li japplikaw għal dawn it-titjiriet huma differenti għal dawk li japplikaw għal destinazzjonijiet oħra fejn ir-riskju huwa ogħla.

Fil-każ ta’ ajruplani li jaslu minn destinazzjonijiet mhux meqjusa ta’ riskju għoli, l-ajruplani jiġu ffumigati kuljum. Mill-banda l-oħra, meta ajruplani jtiru lejn destinazzjonijiet ta’ riskju għoli, l-ajruplani jiġu ffumigati u ssanitizzati wara kull titjira.

L-ajruplani ffumigati dejjem kull 24 siegħa...

Apparti minn hekk, kull 24 siegħa, l-ajruplani jerġgħu jiġu ssanitizzati, ġejjin minn fejn ġejjin.

Spjegaw kif qabel ħarġet ir-rakkomandazzjoni tal-EASA, l-Air Malta kienet diġà żiedet ir-rata ta’ kimiċi waqt l-iddiżinfettar għall-ogħla livell. 

Mistoqsija kif jiddeċiedu liema huma d-destinazzjonijiet b’riskju għoli, medju jew baxx, l-uffiċjali spjegaw li huma jimxu mal-amber list li tiġi aġġornata minn żmien għal żmien mill-awtoritajiet tas-saħħa.

“Jekk pereżempju jasal minn Franza dan mhux se jitħalla jerġa’ jtir qabel ma jkun issanitizzat,” komplew jisħqu l-uffiċjali.

44 każ minn fost 1.2 biljun passiġġier

L-uffiċjali rreferewna wkoll għal statistika u studju magħmul mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għat-Trasport tal-Ajru (IATA) li spjega kif minn Jannar li għadda kien hemm biss 44 passiġġier minn 1.2 biljun passiġġier li ħadu l-virus minn fuq titjira.

Dan ifisser każ wieħed biss għal kull 27.3 miljun passiġġier.

Fosthom għalhekk li l-uffiċjali insistew li l-ajruplani huma fost l-aktar postijiet siguri fejn tista’ tkun bħalissa.

Għaliex ir-riskju huwa daqshekk baxx?

Skont L-IATA ir-riskju huwa baxx għal diversi raġunijiet  u fost dawn issemmi l-fatt li s-seats qed iħarsu kollha ‘l quddiem fejn ftit li xejn ikun hemm interezzjoni wiċċ imb’ wiċċ bejn il-passiġġieri, bl-istess seats iservu ta’ barriera bejn passiġġier u ieħor.

Iżda forsi l-aktar ħaġa effettiva huma dawk magħrufa bħala HEPA filters li l-effiċjenza tagħhom hija ta’ 99.9%

L-arja fil-kabina tinbidel kull żewġ / tliet minuti...

Tkellimna aktar dwar dawn il-filters, bl-uffiċjali jispjegaw kif dawn jiġbdu partiċelli żgħar ħafna bħal bacteria u anke viruses. 

Apparti minn hekk, l-arja fil-kabina tal-ajruplan tinbidel kull żewġ jew tliet minuti.

Spjegaw li l-arja tkun assorbita minn fuq għal isfef u għalhekk mhux tgħaddi tul il-kabina kollha. Dan ikompli jnaqqas ir-riskju tat-tixrid tal-virus.

Il-protokolli ma jibdewx u jispiċċaw mal-ajruplan

Iżda l-protokolli u l-miżuri ma jibdewx u jispiċċaw fuq l-ajruplan. L-uffiċjali fakkru li l-Air Malta hija firmatarja ta’ charter bejn l-ECDC u l-Aġenzija tal-UE għas-Sigurta tal-Avjazzjoni (EASA).

“Il-protokolli mhumiex f’iżolazzjoni iżda huma vjaġġ wieħed u sħiħ,” insistew. “Il-passiġġier mhuwiex offrut protokolli biss fuq l-ajruplan iżda tul il-vjaġġ kollu, mill-booking.”

Fil-fatt, meta wieħed jibbukja, il-passiġġier minnufih ikun infurmat b’ċertu miżuri u rakkomandazzjonijiet. 

Spjegaw kif ġurnata qabel it-titjira, il-passiġġiera qed ikunu mitluba jimlew dikjarazzjoni li fiha jassiguraw li ma għandhom l-ebda sintomu tal-Covid-19.

Anke fl-ajruport, l-MIA li wkoll huwa firmatarju tal-istess charter qed jassigura li l-passiġġiera jżommu d-distanza soċjali, jilbsu l-maskri u jiddiżinfettaw idejhom ta’ spiss, apparti li tittieħed it-temperatura permezz ta’ sistema mhux invażiva.

“Hemm miżura li tibna fuq oħra. Dawn kollha barrieri. Teknikament lanqas imissu jkun hemm każ wieħed fuq ajruplan,” insistew.

L-Air Malta għandha wkoll Covid-19 tracing team

L-Air Malta, komplew jispjegaw l-uffiċjali, għandha wkoll tim li jaħdem biex jiffaċilita l-contact tracing kemm mal-awtoritajiet lokali u internazzjonali.

Qed jinżammu wkoll id-dettalji kollha tal-każi li kien hemm abbord it-titjiriet u dawn id-dettalji jgħinuhom ukoll fil-proċess tagħhom meta jevalwaw ir-riskji.

‘Nieħdu informazzjoni mill-ECDC, mill-awtoritajiet lokali iżda nagħmlu wkoll il-proċess tagħna tar-risk assessment,” komplew jispjegaw. “Fil-każ ta’ Heathrow f’London kellna biss każ wieħed. Allura hemm ikunu nistgħu nimplimentaw miżuri skont iż-żona.”

It-tindif tas-seats tal-ajruplani
It-tindif tas-seats tal-ajruplani

Fuq l-ajruplan tinżamm id-distanza soċjali?

L-infermier kien ilmenta wkoll  dwar il-mod kif qed tinżamm id-distanza soċjali fuq l-ajruplan. 

L-uffiċjali spjegaw kif jekk ikun hemm familji jew gruppi li qed isiefru flimkien, dawn jitħallew ipoġġu ħdejn xulxin.

Madanakollu, spjegaw kif bis-saħħa tal-HEPA Filters u l-mod kif tgħaddi u tinbidel l-arja, xejn ma jżomm lil-linja tal-ajru milli timla l-ajruplan.

“Minkejja dan nagħmlu li nistgħu biex inqassmu lill-passiġġiera,” spjegaw waqt li fakkruna li ħafna drabi huma l-passiġġiera stess li jagħżlu fejn ipoġġu permezz tal-online check-in.

Minħabba l-contact tracing, passiġġier li jkun għażel li jpoġġi f’seat partikolari ma jistax jiċċaqlaq, anke għax jekk ikun hemm każ pożittiv, ikun irid isir kuntatt ma’ passiġġieri oħra bilqiegħda viċin tiegħu. 

Mill-banda l-oħra, id-distanza soċjali tinżamm meta l-passiġiera jkunu telgħin jew nieżla minn fuq l-ajruplan. 

L-uffiċjali li kienu preżenti għal-laqgħa virtwali mal-ILLUM huma:

Kapt. Emvic Debono - Chief Flight Operations Officer

Tyrone Galea · Chief Safety & Compliance Officer

Delia Hanlon - Chief Customer Experience Officer

Stephen Gauci – Head Corporate Communications.

Kenneth Aquilina - Head – Occupational Health and Safety, Facilities and Administration

More in Politika