Mis-sena 2013, u allura fl-aħħar seba' snin, ġew ripatrijati jew rilokati b'kollox 1,547 immigrant. Minn dan it-total fil-fatt, fl-aħħar seba' snin, ġew ripatrijati lura pajjiżhom 273 immigrant filwaqt li 1,274 immigrant ġew rilokati lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Skont ċifri tal-UNHCR bejn Jannar u Awwissu ta' din is-sena daħlu Malta 2,162 immigrant permezz ta' dgħajjes li jitilqu mill-kontinent Afrikan. Skont l-istess sit matul is-sena 2019 daħlu Malta 3,406 immigrant ieħor.
Il-Ministru Byron Camilleri qal illi mill-2013 sal-aħħar ta’ Awwissu kien hemm 2,977 deċiżjoni fejn it-talba għall-protezzjoni internazzjonali ġiet irrifjutata. Minn dawn 1,255 talba kienu inammissibbli għax l-applikanti diġa’ kellhom protezzjoni internazzjonali minn stat membru ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Hu sostna illi huwa diffiċli li wieħed jagħti figura eżatta ta’ kemm minn dawn il-persuni jkunu għandhom jgħixu Malta minħabba movimenti bejn stati membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Camilleri kien qed jirrispondi Domanda Parlamentari tad-Deputat Ivan Bartolo.