Il-Parlament approva b’vot unananimu emenda kostituzzjonali mressqa mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis sabiex l-età tal-irtirar tal-imħallfin u tal-maġistrati tiġi estiża minn 65 għal 68 sena.
Fi stqarrija, il-Ministeru spjega li r-raġuni wara din l-emenda fil-Kostituzzjoni ġejja mill-fatt li fiż-żmien li ġej, numru konsiderevoli ta’ mħallfin se jkunu qed jirtiraw bl-età ta’ 65 sena.
"B’dan il-mod ħa nkunu qed niżguraw li ma jkunx hemm telf ta’ esperjenza u ta’ speċjalizzazzjoni, b’mod partikolari fil-Qorti Kostituzzjonali, kif ukoll fil-Qorti tal-Appell (sede Superjuri), fejn hemm ammont kbir ta’ kawżi pendenti," saħaq il-Ministru.
Temmet tisħaq li din l-emenda hija turija ċara tal-impenn ta’ dan il-gvern, li jsaħħaħ is-settur ġudizzjarju.