Titħabbar l-ewwel strateġija fl-istorja għall-ugwaljanza fl-UE kollha għal persuni LGBTIQ
Din l-istrateġija hija mmexxija mill-Kummissarju Malti Helena Dalli
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Kummissjoni Ewropea, illum ippreżentat l-ewwel strateġija li qatt saret fl-UE dwar l-ugwaljanza għal persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru, intersesswali u queer (LGBTIQ), kif imħabbar mill-President Von der Leyen fid-Diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2020.
Filwaqt li sar progress fl-UE lejn l-ugwaljanza tal-LGBTIQ matul l-aħħar snin, id-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ għadha tippersisti b'43% jħossuhom diskriminati.
L-istrateġija tal-lum tindirizza l-inugwaljanzi u l-isfidi li jaffettwaw lill-persuni LGBTIQ, u tistabbilixxi għadd ta' azzjonijiet immirati inklużi miżuri legali u ta' finanzjament għall-ħames snin li jmiss. L-istrateġija tipproponi li testendi l-lista ta' reati tal-UE biex tkopri reati ta' mibegħda, inkluż diskors ta' mibegħda u reati ta' mibegħda ta' natura omofobika u biex tressaq' il quddiem il-leġiżlazzjoni dwar l-għarfien reċiproku ta' paternità f'sitwazzjonijiet transfruntiera, fost l-oħrajn. Hija tiżgura wkoll li t-tħassib tal-persuni LGBTIQ huwa rifless sew fit-tfassil tal-politika tal-UE, biex fid-diversità kollha tagħhom, ikunu sikuri u jkollhom opportunitajiet indaqs biex jirnexxu u jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà.
Il-Kummissarju għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, qalet li llum, l-UE qed tafferma ruħha, bħala l-eżempju li għandna nsegwu, fil-ġlieda għad-diversità u l-inklużjoni.
"L-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni huma valuri ewlenin u drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li kulħadd fl-Unjoni Ewropea għandu jħossu sikur u liberu mingħajr biża' ta' diskriminazzjoni jew vjolenza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess. Għadna ‘l bogħod mill-inklużjoni u l-aċċettazzjoni sħiħa li l-persuni LGBTIQ jistħoqqilhom," sostniet il-Kummissarju Maltija.
Azzjonijiet lejn l-ugwaljanza LGBTIQ fl-2020–2025:
L-istrateġija tistabbilixxi serje ta' azzjonijiet immirati madwar erba' pilastri ewlenin, iffukati fuq: l-indirizzar tad-diskriminazzjoni; l-iżgurar tas-sikurezza; il-bini ta' soċjetajiet inklużivi; u t-tmexxija tas-sejħa għall-ugwaljanza LGBTIQ madwar id-dinja. Uħud mill-azzjonijiet ewlenin deskritti fl-Istrateġija jinkludu:
- Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni: Il-protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni hija essenzjali biex titmexxa ‘l quddiem l-ugwaljanza tal-LGBTIQ. Il-Kummissjoni se twettaq eżerċizzju ta' rendikont, b'mod partikolari fil-qasam tal-impjiegi. Ir-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi se jiġi ppubblikat sal-2022. B'segwitu għar-rapport, il-Kummissjoni se tressaq kwalunkwe leġiżlazzjoni, jiġifieri dwar it-tisħiħ tar-rwol tal-korpi tal-ugwaljanza. Il-Kummissjoni se tressaq ukoll qafas regolatorju li se jindirizza b'mod speċifiku r-riskju ta' preġudizzju u diskriminazzjoni inerenti fis-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali (IA).
- L-iżgurar tas-sikurezza: Il-persuni LGBTIQ isofru b'mod sproporzjonat minn reati ta' mibegħda, diskors ta' mibegħda u vjolenza filwaqt li n-nuqqas ta' rappurtar ta' reati ta' mibegħda għadu problema serja. Biex tarmonizza l-protezzjoni kontra reati ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda kontra l-LGBTIQ, fl-2021 il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva biex testendi l-lista ta' “reati tal-UE” biex tinkludi reati ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda mmirati lejn persuni LGBTIQ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipprovdi opportunitajiet ta' finanzjament għal inizjattivi li għandhom l-għan li jiġġieldu r-reati ta' mibegħda, id-diskors ta' mibegħda u l-vjolenza kontra persuni LGBTIQ.
- Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-familji qawsalla: Minħabba d-differenzi fir-rikonoxximent legali bejn l-Istati Membri, ir-rabtiet familjari mhux dejjem jistgħu jiġu rikonoxxuti meta l-familji qawsalla jaqsmu l-fruntieri interni tal-UE. Il-Kummissjoni se tressaq inizjattiva leġiżlattiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-paternità u tesplora miżuri possibbli biex tappoġġa r-rikonoxximent reċiproku ta' sħubija bejn l-istess sess bejn l-Istati Membri.
- L-ugwaljanza LGBTIQ madwar id-dinja: F'diversi partijiet tad-dinja, il-persuni LGBTIQ jesperjenzaw ksur u abbużi serji tad-drittijiet. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll azzjonijiet għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ taħt l-istrument tal-viċinat, l-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali (NDICI), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil.
L-integrazzjoni tal-ugwaljanza LGBTIQ fil-politiki tal-UE
Taħt it-tmexxija tal-Kummissarju għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, u bl-appoġġ tat-Task Force dwar l-Ugwaljanza, il-Kummissjoni se tintegra wkoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni li taffettwa lill-persuni LGBTIQ fil-politiki u l-inizjattivi ewlenin kollha tal-UE.
Il-Passi li Jmiss
L-Istati Membri huma mħeġġa jibnu fuq l-aħjar prattiki eżistenti u jiżviluppaw il-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom stess dwar l-ugwaljanza bejn il-persuni LGBTIQ. L-objettiv ser ikun li l-persuni LGBTIQ jiġu protetti aħjar kontra d-diskriminazzjoni, biex l-azzjoni taħt din l-istrateġija tiġi kkomplementata b'miżuri biex tiġi avvanzata l-ugwaljanza tal-LGBTIQ f'oqsma ta' kompetenza tal-Istati Membri.
Il-Kummissjoni Ewropea se timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet deskritti fl-Istrateġija u tippreżenta rieżami ta' nofs it-terminu fl-2023.