Repubblika tniedi kampanja dwar ċittadinanza attiva u responsabbli

L-ewwel inizjattiva ta’ din il-kampanja hi kompetizzjoni annwali li twassal għal Lelja għad-Demokrazija

Illum Repubblika nediet kampanja edukattiva bl-isem “Active & Responsible Citizenship”, li għandha l-għan li tippromwovi ċittadinanza attiva u responsabbli u kultura ta’ demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt. Din il-kampanja hi mfassla fuq dikjarazzjoni ta’ valuri u prinċipji li tinsab fuq il-website ta’ Repubblika.

L-ewwel inizjattiva ta’ din il-kampanja hi kompetizzjoni annwali li twassal għal Lelja għad-Demokrazija. Għal din il-kompetizzjoni huma mħeġġa japplikaw l-istudenti kollha fl-iskejjel Maltin u Għawdtxin bejn is-seba’ sena (Form 1) u t-tnax-il sena (sixth form). Il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni hi mqassma fi tlett kategoriji ta’ età u tista’ tieħu forma ta’ essay jew poster fuq waħda minn għaxar temi ispirati mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Fix-xhur li ġejjin din il-kampanja ser tipproduċi messaġġi fuq ir-radju u videos fuq is-social media fuq temi partikolari – bħal per eżempju l-protezzjoni tal-ġurnalisti, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u s-separazzjoni tal-poteri - kif ukoll li juru l-konsegwenzi negattivi ta’ prattiċi ħżiena fis-soċjetà tagħna, bħal per eżempju l-klijenteliżmu politiku. Bl-istess intenzjoni hemm il-ħsieb li jkunu pubblikati kotba għat-tfal.

Repubblika ser tkun qed tikkollabora ma’ kunsilli lokali u NGOs oħra li jikkondividu l-valuri u l-prinċipji li fuqhom hi mibnija din il-kampanja.

More in Politika