Il-Ministeru jiċħad li Grech tneħħa mit-tim dwar il-Covid-19 minħabba l-kwistjoni tal-iskejjel

Jisħaq li Grech tpoġġa l-irwol oriġinali tiegħu biex ikompli jaħdem sabiex Malta tikseb biżżejjed fondi Ewropej biex timplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa

Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li l-konsulent tas-saħħa pubblika, Kenneth Grech, tneħħa minn fuq it-tim strateġiku għall-ġlieda kontra l-Covid-19 iżda ċaħad li dan seħħ minħabba l-ftuħ tal-iskejjel u l-istajk tal-għalliema.

It-tneħħija ta’ Grech minn fuq dan it-tim qajjem rabja kemm mit-tobba, mill-unjins tal-għalliema u anke mill-iskejjel tal-Knisja li talbu biex Grech jerġa’ jitpoġġa lura fit-tim għax kien strumentali fil-ġlieda ta' Malta kontra l-Covid-19.

Fi tweġiba lil MaltaToday, il-Ministeru għas-Saħħa ma qalx jekk Grech kienx ta l-parir biex l-iskejjel ma jiftħux, iżda spjega kif il-konsulent tpoġġa fl-irwol li kien jokkupa oriġinarjament, qabel il-pandemija.

“Dikjarazzjonijiet li Grech tkeċċa mhumiex veritiera, kif inhuma d-dikjarazzjonjiet li b’xi mod din id-deċiżjoni kienet marbuta mas-sitwazzjoni tal-MUT li ssolviet il-ġimgħa li għaddiet,” qal il-Ministeru.

Spjega wkoll kif l-awtoritajiet tas-saħħa bħalissa qed jaħdmu biex jassiguraw li Malta tingħata fondi, għas-settur tas-saħħa u dan billi jħejju Strateġija għas-Saħħa Nazzjonali u li tista’ tkun implimentata bil-Fond tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru mill-Pandemija.

Spjega kif waqt il-pandemija, il-grupp ta’ esperti tas-saħħa pubblika li kienu qed jaħdmu fuq din l-istrateġija, inkluż Dr Grech, kellhom jiffukaw l-attenzjoni tagħhom fuq il-kwistjonijiet marbuta mal-pandemija.

Madanakollu, peress li dalwaqt jagħlaq iż-żmien stabbilit biex Malta tapplika għal dawn il-fondi, l-awtoritajiet tas-saħħa qed jerġgħu jitolbu lill-esperti mediċi biex jirritornaw għall-irwoli oriġinali tagħhom biex il-ħidma tkun tista’ tkompli.

Qal ukoll li ċ-Chief Medical Officer kellu bżonn l-esperjenza ta’ Grech biex jassigura li l-istrateġija tkun waħda adegwata.

“Propju minħabba din ir-raġuni li ntalab biex jiffoka l-ħidma tiegħu fuq dak li kien qed jagħmel qabel il-pandemija ... l-awtoritajiet tas-saħħa qed jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jilqgħu għas-sitwazzjoni preżenti filwaqt li jippreparaw għall-futur tas-settru tas-saħħa wara l-Covid-19,” temm jgħid il-Ministeru.

Aqra wkoll:

More in Politika