Moviment Graffitti sostniet illi l-pjanijiet biex jinbena drive-in cinema fuq art agrikola f’ODZ f’Wied il-Għajn "ma jistgħu qatt jiġu ġġustifikati u lanqas għandhom biss jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet." Intant fi stqarrija l-Moviment Graffitti sostna illi b'kollox kien hemm 500 ilment kontra din il-proposta.
Graffitti tgħid li l-applikazzjoni tipproponi li titneħħa l-ħamrija mill-art biex tagħmel post għal madwar 56 spazju għall-karozzi, kif ukoll għal skrin ta’ 16:8 metri, "b’konsegwenza li Wied il-Għajn se jkompli jinsteraqlu aktar mill-ftit art rurali li fadallu," saħqet l-għaqda.
"Teħid ta’ art ODZ ta’ dan il-kobor qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat, aktar u aktar meta wieħed iqis li s-sit propost għall-iżvilupp jinsab ukoll qrib ħafna t-Torri Mamo u l-Knisja ta’ San Gejtanu. Drive-in cinema fil-viċinanza ta’ dawn iż-żewġ binjiet ta’ valur storiku bla dubju se jeqred il-karattru storiku tagħhom u jhedded il-preservazzjoni tal-kuntest storiku tagħhom."
Kelliem għall-grupp qajjem ukoll tħassib dwar l-idoneità ta’ proġett bħal dan fiż-żona, bil-kelliem jisħaq li dan se jwassal għal aktar degradazzjoni ambjentali, erożjoni u degradazzjoni tal-ħamrija, tniġġis mill-istorbju u mid-dawl, kif ukoll ir-riskju li jippreżenta fil-konfront tal-binjiet storiċi fiż-żona. Barra minn hekk, ikompli jgħid il-Moviment, drive-in cinema se jiġġenera fluss aktar qawwi ta’ traffiku, b’żieda fl-emissjonijiet tal-karozzi u storbju, li bla dubju se jiddisturbaw l-ambjent naturali u l-ħabitats tal-madwar u kompletament jittrasformaw il-karattru rurali taż-żona.
Il-Moviment Graffitti jappella lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tagħraf tisma’ r-rabja tan-nies u tagħmel xogħolha kif mistenni.