Analiżi | L-ewwel 100 ta' Bernard ... imma inbiddlu l-affarijiet għall-PN?

Din il-ġimgħa Bernard Grech għalaq 100 jum fil-kariga.  Imma x'qed juruna dawn l-ewwel jiem?  Il-PN se jistejqer xi ftit politikament?  Sar aktar rilevanti milli kien taħt Delia? Qed jirbaħ lura liż-żgħażagħ? Jew reġa' koppi? L -ILLUM tanalizza ...

Bernard Grech
Bernard Grech

Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech din il-ġimgħa għalaq 100 jum fit-tmun tal-PN.  Naturalment l-ewwel 100 jum huma ġeneralment meħudin bħala l-ewwel litmus test ta' politiku biex wieħed jara liema destinazzjoni l-aktar li jidher illi se jkun qed jaqbad dak il-mexxej politiku u dak il-partit. 

Kif għamilna fl-ewwel 100 jum ta' Robert Abela ftit xhur ilu, se nagħtu ħarsa lejn l-ewwel 100 jum ta' Bernard Grech billi naqsmu l-analiżi fi tnejn:  Il-pożittiv u n-negattiv tal-ewwel tliet xhur ta' Grech. 

Nibdew bin-negattiv ...

1 - Il-PN baqa' mhux rilevanti biżżejjed f'ħafna oqsma u suġġetti 

Il-Partit Nazzjonalista kellu problema u minkejja li għaddew 100 jum ta' Grech, baqa' bl-istess problema:  Ir-rilevanza jew inkella n-nuqqas tagħha.  Biex partit ikollu rilevanza irid ikun fuq quddiem f'diversi oqsma li jagħmlu differenza lin-nies:  Il-flus fil-but, is-saħħa u l-Covid-19, l-immigrazzjoni u aktar.  Fuq quddiem, fis-sens illi l-poplu jħoss illi l-PN qed joffri soluzzjonijiet, qed jiltaqa' man-nies u jiddjaloga man-nies milqutin u aktar minn hekk huwa bħal magna ta' proposti li l-Gvern ma jistax ilaħħaq magħha. 

Minflok, ħafna drabi, il-PN qed jidher niexef fl-ideat, jiġri wara l-Gvern u jirreaġixxi għal miżuri tiegħu jew inkella jibda inizjattivi li ma jsalvawx aktar minn ftit ġimgħat. 

Grech ħabbar il-Covid-19 Action Team biex jagħmel propju dan:  Jiddiskuti, jipproponi u jkun mutur ta' ideat sabiex il-PN jidher fuq quddiem u rilevanti fi kwistjoni tant kruċjali li fuqha minkejja l-ħafna tajjeb li għamel, Robert Abela xorta żelaq żelqiet kbar.  L-għan ta' dan it-tim ta' azzjoni kellu jkun li joħloq momentum biex il-PN iservi ta' tarka u ta' dawl f'din il-kwistjoni. 

Minflok spiċċat f'inizjattiva li ma ħaditx, li ftit li xejn ingħatat (jew talbet li jkollha) preżenza fuq il-midja u li ma ħarġet b'ebda proposta tanġibbli biżżejjed li tiddistingwi lil dan il-grupp ta' nies  - u allura lill-PN - mill-avversarji u anke mis-soċjetà ċivili. 

L-istess f'dak li jirrigwarda wċuh ġodda.  Minkejja li huwa sabiħ li tara nies bħal Jerome Caruana Cilia, Alexander Mangion, Alex Borg, Darren Carabott u James Aaron Ellul - persuni li ilhom ftit snin jimmilitaw fil-partit  (jew kellhom qraba fil-partit) jitfgħu isimhom 'il quddiem bħala wċuħ żagħżugħa fil-PN, dan mhux biżżejjed!  

Anke jekk kien hemm titjib fl-aħħar sondaġġ f'termini ta' fiduċja lejn Grech fost iż-żgħażagħ (16 -35) fejn iktar nies qalu li jivvutaw PN, tajjeb wieħed jiftakar li is-sondaġġi jeħtieġ jinqraw (u ħafna ma jagmlux jekk!) fuq ix-xejra.  Jiġifieri trid tanalizza erba' sondaġġi biex tibda tieħu idea aħjar fejn qiegħed partit u mexxej politiku u fil-fatt fis-sondaġġ ta' qabel Grech kien bosta punti perċentwali taħt Abela f'dan is-settur ta' votanti.

Sfortunatament l-iktar kandidata li kienet qed tkun voċifera u skjetta u li kienet qed tingħata ħafna spazju fuq il-midja u li setgħet taqla', kważi waħedha, lill-PN mit-tikketta konservattiva - Angela Coleiro - irtirat il-kandidatura li kienet ħabbret ftit biss qabel u rriżenjat mill-kariga li kellha f'fergħa tal-partit.

L-uniku kandidat ta' ċerta toqol sa issa, għalkemm mhux neċessarjament jista' jissejjaħ ġdid, huwa l-avukat Joe Giglio. 

Ħaġa oħra:  Filwaqt li bosta Deputati Laburisti donnhom qed jiftħu jew fetħu uffiċini madwar il-pajjiż, kollha mmarkati b'ritratt kbir tagħhom mal-bieb (Castaldi Paris u Clayton Bartolo f'Birkirkara, Julia Farrugia Portell, f'Birżebbuġa, Rosianne Cutajar f'Ħal Qormi u Silvio Schembri fis-Siġġiewi - dawk żgur), il-PN għadu qed jitlef il-każini jew inkella għadu nieqes ħafna milli jkun preżenti fil-lokalitajiet tagħna, speċjalment fir-realtà nepotistà ta' pjaċiri li hija r-realtà tal-politika Maltija.

Dawn l-uffiċini nafu għaliex qed jinfethu.  Ma jinfetħux biex John, Mary u Brandon imorru jistaqsu lid-Deputati/Ministri dwar l-aħħar żviluppi fil-qasam tal-governanza jew dwar l-indiċi tal-korruzzjoni.  Jinfetħu biex imorru nies jistaqsu dwar impjieg għat-tfal jew permess jew għajnuna għal xi soċjetà/każin/għaqda tal-lokalità jew għal xi promozzjoni jew inkella għax kien ħaqqhom xi ħaġa li ma ħadux jew għax saret inġustizzja kontrihom jew għax xi għaqda tal-lokalità qed tiġbor il-flus għal xi attività u nistgħu nibqgħu għaddejjin. 

Jiġifieri jinħass li wara tmien snin fil-Gvern il-preżenza tal-Partit Laburista fl-irħula u bliet tagħna baqgħet b'saħħitha jekk mhux issaħħet, b'magna ta' relazzjonijiet pubbliċi effiċjenti.  Dan filwaqt li dik tal-PN baqgħet pjuttost dgħajfa. 

2 - Nuqqas ta' impetu u ħeġġa

Il-PN għadu qed ibati ħafna minn nuqqas ta' ħeġġa u impetu fost firxa wiesgħa ta' attivisti.  Dan huwa minħabba diversi fatturi. 
L-ewwel raġuni mhijiex marbuta mal-PN innifsu u dwarha ftit kellu kontroll:  Il-Covid-19.  Kuntrarjament għal Joseph Muscat u anke Robert Abela warajh, li kellhom kampanji fost in-nies fil-każini u pjazez u l-ħwienet biex jimmobilizzaw il-massa u joħolqu fervur fost l-għeruq ftit wara li ġew eletti mexxejja, Grech ftit seta' jagħmel dan.  Fil-fatt ftit wara li kien elett u n-numri ta' każi ta' Covid-19 reġgħu bdew telgħin, Grech kellu jħassar iż-żjajjar kollha li kellu fil-każini. 

Dan ifisser illi l-Kap Nazzjonalista għadu ma kellux l-opportunità li jiltaqa' u jissaħħaħ biżżejjed fost l-għeruq f'laqgħat soċjali, individiwali, fid-djar tan-nies u b'kuntatt fiżiku, li jibqa' dejjem ħafna aktar effettiv mill-kuntatt virtwali. 

Qed jinħoloq sens fost l-għeruq - hux kbir jew le ma nafux -  illi Grech huwa nieqes mill-kariżma u mill-karatteristiċi li jagħmluh popolari mal-votant Malti.  Huwa vera li l-partit kien jeħtieġ persuna aktar sobrija minn Delia - li forsi kellu wisq skeletri fil-gwardarobba - imma minn naħa l-oħra biex tiġbed in-nies jeħtieġ - fost ħafna affarijiet oħrajn -  li jkollok kariżma, tidher rilassat meta titkellem u tkun kapaċi toħloq l-entużjażmu b'dak li tgħid u l-mod kif tgħidu. 

F'dawn il-100 jum, Grech filwaqt li offra dak is-sens ta' sobrjetà u serjetà, kien wisq nieqes minn mumenti li jqanqlu u li jinjettaw il-ħeġġa fost eluf ta' partitarji Nazzjonalisti li jħossu illi tilfu ħafna minn dik l-istess ħeġġa għall-partit.  U din hija problema kbira, sena jew xhur qabel elezzjoni ġenerali. 

Jekk Grech irid ikun effettiv u jibda jnaqqas mid-distakk enormi li għad hemm bejn iż-żewġ partiti - fl-aħħar sondaġġ meqjus 'l-aqwa wieħed' għall-PN, xorta hemm bejn wieħed u ieħor 26,000 distakk - irid jibda joħloq ħeġġa fost l-għeruq.  Kif se jagħmel dan hija bla dubju waħda mill-akbar sfidi tal-100 jum li ġejjin. 

Hemm affarijiet oħrajn li fihom Grech ma impressjonax f'dawn il-100 jum, fosthom kif ma kienx kapaċi joħloq it-tim tiegħu, 'It-tim Bernard'. 

Żamm l-istess shadow cabinet u ma għamel ebda tibdil minn dak li kellu Delia - minkejja li kien indikat li se jsir tibdil.  Kif ukoll li żamm l-istess uffiċjali li ħafna minnhom spiċċaw fil-kariga minħabba li ħadd ma riedha fi żmien Delia. Per eżempju ma biddilx is-Segretarju Ġenerali għal xi ħadd frisk u ġdid biex jibda mill-ewwel bl-organizzazzjoni tal-partit u l-preparazzjonijiet għall-isfidi elettorali.  U spiċċa mdawwar b'żewġ Viċi Kapijiet li huwa sigriet magħruf li wieħed minnhom ikkampanja bil-qawwi kontrih u favur Adrian Delia.
Fi ftit kliem, inbidel il-captain tat-tim imma t-tim baqa' l-istess. 

... u t-tajjeb!

1) Naqqsu l-battibekki, pass lejn aktar għaqda

Bernard Grech kien elett l-aktar fuq l-għajta tal-għaqda u allura wieħed bilfors jeħtieġ jiġġudika l-ewwel 100 jum tiegħu minn dan l-angolu.  L-ewwel 100 jum ġabu l-għaqda fil-partit jew le? 

Hawnhekk jidher - għallinqas fil-wiċċ u fid-deher - li Grech għamel passi 'l quddiem primarjament hekk kif dawk id-deputati li kienu voċiferi kontra Delia waqfu jikkritikaw lill-partit fil-miftuħ u kien hemm biss inċident wieħed ta' battibekki, bejn deputati sa issa, jiġifieri battibekk bejnl-eks Kap Adrian Delia u d-Deputat Jason Azzopardi.  Oltrè minn dan jidher li fuq il-midja soċjali l-attakki fl-apert naqsu sew. 
Dan huwa pass 'il quddiem u bla dubju jfisser li l-PN qed ikun ħafna inqas fuq l-aħbarijiet għal raġunijiet ħżiena. 

Dan ma jfissirx li ma hemmx diversi kurrenti minn taħt u persuni li għadhom irrabbjati fuq dak li ġara lil Adrian Delia, bħal kurrenti f'kull partit, iżda l-fatt li sa issa huma taħt kontroll u mhumiex jidhru fil-pubbliku huwa tajjeb għall-immaġini tal-partit u għal wegħda ta' Grech li jġib l-għaqda. 

2 - Numru ta' deċiżjonijiet tajbin

L-ewwel 100 jum ta' Grech kienu mmarkati wkoll minn numru ta' deċiżjonijiet tajbin li juruh bħala politiku differenti minn ta' qablu, speċjalment minn dik il-klassi politika li tara biss it-tajjeb f'li tagħmel hi u l-ħażin biss f'ta' ħaddieħor. 

L-aqwa deċiżjoni li ħa kienet li ma ddejjaq xejn mhux biss jappoġġja l-pożizzjoni tal-Gvern fuq bidliet fil-liġi tad-divorzju iżda wkoll li qajjem il-bżonn ta' proposti f'dak li jirrigwarda manteniment tat-tfal. Dan bla dubju huwa riflessjoni tal-fatt li Grech kien għal snin sħaħ avukat tal-familja. 

Sfortunatament dawn il-proposti ma jidhirx li ġew segwiti biżżejjed mill-midja in ġenerali u lanqas mill-PN innifsu. 

Grech wera' wkoll ċerta abbilità ta' tmexxija fil-każ ta' Jason Azzopardi u r-rapport fuq din il-gazzetta dwar mawra f'Tel Aviv.  Azzopardi warrab sakemm il-Kumitat tal-Etika tal-PN investiga jekk inkisritx l-etika meta aċċetta li titħallaslu l-lukanda Hilton fl-istess belt fl-Iżrael minn Tumas Group, filwaqt li xtara rigal tal-fidda lil Ray Fenech bħala ringrazzjament.  Il-Kumitat talab li Azzopardi jingħata ċanfira. 

Jekk din id-deċiżjoni kinitx tajba jew le, biżżejjed jew le hija suġġettiva.  Iżda naturalment, dejjem hija tluq u pass lilhinn mir-reazzjoni ġeneralment tribalistika li jkollna f'Malta fejn jirrigwarda l-politika.  Dan il-pass wera' li fejn kien hemm bżonn Grech ra li l-istrutturi tal-partit  jaħdmu biex jinvestigaw u anke jkunu trasparenti dwar id-deċiżjonijiet tagħhom. 

Pożittiva wkoll kienet id-deċiżjoni li jagħmel aċċenn qawwi fuq iż-żgħażagħ u dik li dehret illi se tkun imbutattura qawwija 'l quddiem lill-kandidati żgħażagħ bi proposta iżda li kif mistenni ma ntlaqgħetx tajjeb minn Deputati stabbiliti. 

Bernard Grech ippropona wkoll li jsir referendum fost l-Għawdxin dwar il-mina.  Hija ħasra li ma rriflettietx tajjeb fuqu u fuq il-PN li fid-dawl ta' kritika lejn il-proposta, donnu kien hemm attentat biex tiġi imbenġla.  Ingħatat l-impressjoni li Grech qed jibża' mil-kritika.  Kien ikun aħjar li kieku żamm mal-proposta oriġinali ta' referendum imbagħad evalwaha aħjar wara li diversi nies u stakeholders esprimew ruħhom.  

Pożittiv wkoll huwa li minkejja li għadu minn taħt numerikament Bernard Grech wera' li għadu predispost mhux biss li jikkomunika mal-midja, imma wkoll li joħloq fora illi fihom hu jkun sfidat b'mistoqsijiet politiċi li forsi il-ġurnalisti tal-partit mhux se jagħmlu.  Saru fil-fatt numru ta' dibattiti illi għalihom il-PN stieden biex jintervistaw lil Grech edituri u ġurnalisti minn midja indipendenti, il-Ħadd stess fil-fatt intervistah ġurnalist ta' din il-gazzetta. 

Pożittiv ukoll kien il-mod kif għamel tiegħu l-kwistjoni tal-anzjani u d-djar tal-anzjani b'talbiet biex is-Segretarju Parlamentari jitneħħa, kif fil-fatt ġara. 

Finalment, minkejja li malli kien elett, numru ta' nies irreżenjaw, l-aktar kunsilliera u fosthom ħu Delia (Anthony Delia  - San Pawl il-Baħar) u anke l-preżentatriċi popolari fuq il-midja Nazzjonalista Louise Tedesco (Kunsill Ħamrun) - jidher li kien hemm tentattivi biex Delia jibqa' jidher u saħansitra jkollu rwol fix-shadow cabinet.  Dan juri allura li Grech kellu u għad għandu intenzjonijiet tajbin favur l-għaqda fil-PN.
 
Konklużjoni:  Wieħed allura jikkonkludi li l-ewwel 100 jum ta' Bernard Grech ma kinux diżastru, għaliex fil-verità saru passi 'l quddiem, ittieħdu xi deċiżjonijiet tajbin u kien hemm numru ta' votanti li mill-ġdid reġgħu bdew jappoġġjaw lill-PN u lil Kap tiegħu, wara li kien elett.  Minkejja dan iżda dawn il-100 jum huma ħafna 'l bogħod mill-bidliet u l-impetu tant meħtieġ għall-PN li bosta ħasbu li se jesperjenza ladarba jkun elett Grech.  

Jidher ċar li Bernard Grech għadu mhux qed jeċita u jqajjem entużjażmu fost il-mases, speċjalment,  dawk li telqu lill-PN u għadu mhux qed jagħmel lill-PN rilevanti biżżejjed f'dak li l-aktar illi jinteressa lin-nies. 

Jekk mhux se jħaffef il-pass u jagħti theżżiża tajba lill-partit, hemm ċans li d-destin ta' Bernard Grech ikun bħal dak ta' Delia u l-elezzjoni interna tas-sena l-oħra tkun għamlet ftit li xejn differenza għar-riżultat li l-aktar se jgħodd:  dak tal-elezzjoni ġenerali li jmiss. 

More in Politika