Is-sistema tat-tassazzjoni Maltija jaf ikollha tinbidel xi ftit biex tilqa' għat-tħassib jew ilmenti internazzjonali. Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li sostna illi filwaqt li Malta mhi qed tagħmel xejn ħażin fis-sistema ta' tassazzjoni tagħha - meqjusa aktar vantaġġjuża u allura li attirat diversi kumpaniji lejn Malta - hemm bżonn jiġu kkundsidrati ċerti bidliet .
"Irridu niddefendu s-sistema ta' tassazzjoni tagħna u nikkonvinċu lil ħaddieħor, imma xorta għandna bżonn inbiddlu fejn huwa neċessarju. Ikun ta' xejn li nsabbtu saqajna," sostna Caruana, huwa u jindirizza konferenza organizzata mill-Gvern bl-isem 'Lejn Propserità Ġdida'.
Is-sistema ta' tassazzjoni lokali ilha tiġi taħt skrutinju u kritika minn pajjiżi b'rati inqas vantaġġjużi li wasslu biex diversi kumpaniji Ewropej fetħu l-kwartieri jew parti mill-operat tagħhom f'Malta, fejn iħallsu t-taxxa skont ir-rati lokali. Ħafna drabi kien ġie propost li r-rata ta' taxxa tkun uniformi għall-pajjiżi tal-UE kollha, xi ħaġa li qed issib l-oppożizzjoni ta' numru ta' pajjiżi, inkluż Malta.
Sfortunatament Malta tilfet alleat importanti f'din il-kwistjoni, ir-Renju Unit, li issa telaq mill-UE.