Sa nhar it-Tnejn se jkunu tlaqqmu aktar minn 13,000 persuna

Kuljum, man-numri ta' każi ġodda u pazjenti mfejqa, se jibda jitniżżel ukoll kemm ikunu tlaqqmu persuni

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci waqt il-laqgħa tal-MCESD
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci waqt il-laqgħa tal-MCESD

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, spjegat kif kull ġimgħa qed jiżdiedu l-għadd ta' persuni li qed jiġu mlaqqma kontra l-Covid-19, biex sa nhar it-Tnejn li ġej se jkunu tlaqqmu 13,200 persuna.

Dan ifisser li sa nhar it-Tnejn, 2.57% tal-popolazzjoni, se jkunu rċevew l-ewwel doża tal-vaċċin. Apparti minn hekk, kuljum, min-nhar it-Tnejn, man-numri ta' każi ġodda u pazjenti mfejqa, se jibda jitniżżel ukoll kemm ikunu tlaqqmu persuni.

Il-Professur Gauci spjegat kif mill-bieraħ bdew jirċievu t-tilqima l-anzjani li għandhom 'il fuq minn 85 sena, filwaqt li fil-jiem li ġejjin se tibda kampanja biex anke jsir kuntatt ma' dawk l-anzjani li ma jistgħux joħorġu mid-dar, biex anke huma jkunu jistgħu jiġu mlaqqma. Fakkret li bħalissa għaddej ukoll it-tilqim tan-nies kollha li jaħdmu f'ambjenti kliniċi, bħall-isptarijiet u anke r-residenti u l-ħaddiema fid-djar tal-anzjani.

Appellat ukoll biex kulħadd iżomm mal-ħinijiet li qed jingħataw fil-karti li kull anzjan, li għandu 'l fuq minn 85 sena qed jirċievi d-dar. Qalet li kien hemm mumenti fejn għax persuni ma żammewx mal-ħinijiet, inħolqu kjuwijiet fiċ-ċentri tas-saħħa.

Mistoqsija dwar il-kritika li qed issir, għax għadhom tlaqqmu ftit nies, Gauci spjegat kif il-proċess beda bilmod anke biex ikun żgurat li kollox ikun qed jimxi skont il-proċessi mħabbra mill-kumpaniji, inkluż fejn jidħol it-taħlit tal-vaċċin.

Hija saħqet kif Malta għandha l-kapaċità biex f'ġimgħa tibda tagħti t-tilqim kollu li jasal Malta kull nhar ta' Tnejn, Nofs dawk id-dożi li jaslu jinżammu għall-istess persuni li jkunu tlaqqmu biex ikunu jistgħu jirċievu wkoll it-tieni doża tliet ġimgħat wara. Sa issa, waslu f'Malta 'l fuq minn 26,500 doża mingħand Pfizer u ftit dożi oħra mingħand Moderna. 

Mistoqsija dwar il-vaċċin tal-AstraZeneca, Gauci spjegat kif sal-aħħar ta' dan ix-xahar, wieħed jistenna li jkun hemm l-approvazzjoni min-naħa tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina. Fi kliemha, jekk dan il-vaċċin ikun approvat, din tkun aħbar sabiħa ħafna għal Malta għax ifisser li se jkunu qed jaslu aktar dożi tal-vaċċin.

Fil-fatt, Malta għandha allokati miljun doża mill-vaċċin ta' AstraZeneca.

Dwar l-effetti sekondarji, Charmaine Gauci qalet li dawn kienu minimi ħafna. Fil-fatt, l-aktar sintomu komuni kien l-għebusija tal-id u anke xi ftit deni.

Aqra wkoll:

193 każ ġdid ta' Covid-19 u tmut persuna oħra

151 persuna bil-Covid-19 fl-isptarijiet; 16 jinsabu fl-ITU

Sa issa f'Malta ma nstabux aktar każi tal-varjant tal-Covid-19 li għamel ħerba fir-Renju Unit

More in Politika