L-MPT tikseb ċertifikat pożittiv għas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol
Il-Malta Public Transport tgħid illi kien hemm tnaqqis bin-nofs fl-inċidenti f'sitt snin
More in Politika
Il-Malta Public Transport tgħid illi kien hemm tnaqqis bin-nofs fl-inċidenti f'sitt snin
Malta Public Transport ħabbret dalgħodu li kisbet iċ-ċertifikat għas-saħħa u s- sigurtà fuq il-post tax-xogħol mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandards. Din iċ-ċertifikazzjoni tfisser li l-operatur tat-trasport pubbliku jilħaq kriterji internazzjonali stretti u jinvesti b’mod proattiv fi prattiċi tajbin biex jipproteġi l-impjegati u l-passiġġiera.
“Dan huwa suċċess importanti li jirrikonoxxi l-impenn kontinwu tagħna lejn il-ħarsien tal-impjegati u l-klijenti,” spjega Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport. “Is-saħħa u s-sigurtà huma prijoritajiet għall-kumpanija u aħna kburin li rċivejna din iċ-ċertifikazzjoni prestiġjuża mill-ISO, grazzi għad-dedikazzjoni tal-ħaddiema tagħna. Permezz ta’ din il-kisba, nittamaw li l-passiġġiera jkunu aktar kunfidenti fl-impenn tagħna lejn is-sigurtà.”
Iċ-ċertifikazzjoni - spjegat il-kumpanija fi stqarrija - hija parti minn sforz wiesa’ minn Malta Public Transport biex ikun hemm aktar attenzjoni għas-sigurtà.
Miżuri effettivi introdotti mill-kumpanija fl-aħħar snin irnexxielhom inaqqsu l-inċidenti bin-nofs sa mill-2016, tispjega l-istqarrija. "It-tnaqqis fl-inċidenti huwa konsistenti sena wara l-oħra, grazzi għall-istrateġija tal-kumpanija li tidentifika r-riskji u tindirizzahom minnufih. Minkejja li l-pandemija kienet bla dubju fattur fit-tnaqqis fl-inċidenti matul is-sena li għaddiet, hekk kif l-attività kienet ridotta u naqsu wkoll il-karozzi fit-toroq, il-kumpanija rnexxielha tniżżel in-numru ta’ inċidenti kkawżati minn impjegati b’rata akbar fl-2020."