Intervista | 16-il sena attiv fil-'politika' ... imma dejjem 'l bogħod mill-partiti
Andrè Callus mhux isem ġdid iżda riċentament jaf qed nisimgħu bih pjuttost aktar. L-attivist li ilu mal-Moviment Graffitti għal dawn l-aħħar 16-il sena tkellem mal-gazzetta ILLUM. Minn fejn bdiet din l-għaqda? Il-Moviment Graffitti jdejaqhom kollox u kontra kull proġett? Qatt se naraw lill-Moviment Graffitti fl-elezzjonijiet?
minn Marianna Calleja
Il-Moviment Graffitti huwa għaqda xellugija li taħdem favur soċjetà u ekonomija ġusta msejsa fuq ir-rispett lejn l-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem u tal-annimali. L-għaqda ilha magħna mill-1994, wara li ġiet imwaqqfa minn grupp studenti Universitarji li ħassew il-ħtieġa li jkun hawn grupp politiku tax-xellug li jkollu għan differenti minn dak tal-partiti politiċi stabiliti f’Malta diġa'. Maż-żmien il-Moviment Graffitti imwaqqaf mill-istudenti ġibed attivisti ta’ kull eta’ u minn kull sfond soċjali, saħansitra akkademiċi.
'Il-Moviment Graffitti għandu struttura partikolari fejn ma jeżistux kumitati jew ġerarkiji'
Andrè Callus jibda billi jsemmi li l-moviment hu uniku, mhux biss għax wieħed mill-ftit li jħaddan politika xellugija. “Il-Moviment Graffitti għandu struttura partikolari fejn ma jeżistux kumitati jew ġerarkiji”, jgħidilna Callus. Meta jkollok moviment bla ġerarkiji ifisser li l-organizzazzjoni għandha struttura organizzattiva bi ftit jew xejn rwoli ta’ tmexxija. Struttura bħal din tippromovi l-involviment ta’ kulħadd fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Andrè Callus jispjega li kull minn jaqbel mal-prinċipju tal-Moviment Graffitti u jixtieq ikun attiv fl-għaqda jista’ jipparteċipa fil-laqgħat regolari li jkollhom u jieħu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Tajjeb li ngħidu li minħabba li l-Moviment reċentament kompla jikber sostanzjalment, inħolqu wkoll diversi gruppi ta' ħidma fi ħdan il-Graffitti li jiffukaw fuq kwistjonijiet partikolari, fosthom l-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem.
'Fil-Moviment Graffitti, niġġieldu kontra forom differenti ta' sfruttament'
L-għan ewlieni tal-Moviment Graffitti fi kliem Andrè Callus hu li jaħdem favur sistema li jkollha fiċ-ċentru tagħha l-ġid komuni u l-kwalità tal-ħajja, minflok il-qligħ u l-interessi tal-ftit. Callus spjega li dan kollu jagħmluh għax jemmnu bis-sħiħ li teżisti alternattiva għas-sistema kapitalista preżenti. “Dan wassalna sabiex fil-Moviment Graffitti niġġieldu kontra forom differenti ta' sfruttament u favur gruppi li qed jesperjenzaw inugwaljanza u oppressjoni”, kompla Andrè Callus. Hu jkompli jispjega kif tul is-26 sena li ilu magħna, l-Moviment Graffitti kien attiv f'ħafna oqsma differenti u ferm meħtieġa bħalma huma d-drittijiet tal-ħaddiema, l-qerda ambjentali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-gwerer, id-drittjiet ta' persuni LGBTIQ, u r-razziżmu, fost oħrajn.
Bħal kull moviment ieħor, Graffitti esperjenza bosta tibdiliet matul is-snin iżda Callus insista li l-għan tiegħu baqa' dejjem l-istess. “L-ikbar bidla kienet li, filwaqt li qabel il-Moviment kien jaħdem l-iktar permezz ta' azzjoni spontanja, ilum il-ġurnata jagħti ħafna iktar piż lill-aspett strateġiku u organizzativ”, jgħid Callus. Hawn spjega li ż-żewġ mudelli ta' ħidma għandhom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom. Callus jgħid li azzjoni spontanja tagħti ħafna libertà lill-attivisti u toħloq art fertili fejn jinbtu ideat u azzjonijiet ġodda u innovattivi. Madankollu l-Moviment induna li attenzjoni ikbar fuq strateġija u organizzazzjoni kultant huma iżjed effettivi sabiex tilħaq l-għanijiet immedjati tiegħek.
'Ir-regħba ta' min irid jaħtaf kemm jiflaħ a skapitu ta' ħaddieħor'
Ħafna drabi Graffitti jiġu akkużati li huma kontra kollox u kontra kull proġett - u allura kontra l-progress. Kif iwieġeb Callus?
Andrè Callus jemfasizza li l-Moviment huwa favur l-iżvilupp u l-progress, "iżda ħafna minn dak li qed naraw bħalissa huwa l-kuntrarju ta' żvilupp u progress. Huwa r-regħba ta' min irid jaħtaf kemm jiflaħ a skapitu ta' ħaddieħor permezz tal-qlajja’ tat- 'trickle down economics' - fejn jgħidulna li jekk ftit nies jistagħnew ħafna dawn se jwaqqgħu biżżejjed loqom biex aħna ngħixu sew”, insista Callus.
Hu jkompli billi jtenni li dan il-mudell li jsejjaħ "inġust" nistgħu narawh biċ-ċar f’diversi oqsma iżda b’mod speċjali fil-qasam tax-xogħol. F’dan il-qasam issib bosta li jiftaħru bit-tkabbir ekonomiku fenomenali, iżda xorta għadek issib li hawn għexieren t'eluf ta' ħaddiema li għandhom kundizzjonijiet ħżiena u pagi baxxi, kif ukoll saħansitra ħafna nies li jgħixu fil-faqar.
Andrè Callus jkompli jallega li l-istess mudell inġust, “narawh ukoll, fil-qasam tal-kostruzzjoni fejn l-iżviluppaturi - li jinkludu grupp żgħir ta' familji sinjuri bħal ta' Tumas u ta' Zammit Tabona - jiddettaw il-politika fil-pajjiż”.
Callus jgħid li dan qed wassal biex “l-art u l-bini spiċċaw mezz kif jistagħnew huma, minflok mezz kif aħna lkoll inkunu nistgħu ngħixu ħajja diċenti f'rispett lejn ħaddieħor u lejn l-ambjent.” Callus jgħid li riċentament dan kollu reġa’ ħareġ bl-attitudni ta' Infrastructure Malta lejn bdiewa u residenti madwar Malta u Għawdex, b'dak li sejjaħ theddid kontinwu tagħha li tieħu dejjem iktar art agrikola "għall-proġetti li se jaqdu biss lil ċertu kuntratturi u interessi kummerċjali."
'L-ikbar riżorsa li għandu l-Moviment Graffitti huwa l-ħin li jagħtu l-attivisti tiegħu'
Andrè Callus jammetti li forsi ħafna nies jaħsbu li l-Moviment Graffitti dejjem irrabjati iżda hu jfiehem li filwaqt li dik ir-rabja lejn l-inġustizzja qiegħda hemm, fil-verità ħafna mill-ħin tagħhom iqattgħuh jagħmlu dak li nemmnu fih flimkien ma' nies oħra li jaħsbuha bħalhom. Infatti Callus jgħid “li l-ikbar riżorsa li għandu l-Moviment Graffitti huwa l-ħin li jagħtu l-attivisti tiegħu, u nies oħra li jikkollaboraw miegħu, għall-ħidma fl-oqsma differenti”. Hu jkompli jgħid li dik hija esperjenza pożittiva ħafna, li bħala Moviment jgħożżu. Hi dik l-esperjenza pożittiva li tagħti l-enerġija biex il-ħidma tkompli.
Mistoqsi kif il-Moviment Graffitti jsostni ruħu speċjalment finanzjarjament, Andrè Callus jispjega li sabiex verament iżommu l-indipendenza tagħhom bħala Moviment, ma jaċċettawx sponsors privati jew fondi minn partiti. “Għalhekk il-fondi kollha tagħna jiġu mill-ħlas tas-sħubija fil-moviment u donazzjonijiet oħra li jogħġobhom jagħtuna n-nies”, jgħid Callus. Hu ċċara il-fatt li minħabba li l-attivisti kollha fil-Graffitti huma voluntiera, jgħin biex l-ispejjeż tal-Moviment jinżammu pjuttost baxxi.
“F’pajjiż fejn il-partiti politiċi għandhom daqshekk poter u kontroll fuq is-soċjetà, ma naffordjawx nitilfu l-ispazju tal-attiviżmu li huwa ħieles minn dan il-kontroll.”
Callus jirrakkonta kif qatt ma għaddielu minn moħħu li l-Moviment Graffitti għandu jieqaf speċjalment meta ngħixu “f’pajjiż fejn il-partiti politiċi għandhom daqshekk poter u kontroll fuq is-soċjetà." Hu kompla jinsisti li “ma naffordjawx nitilfu l-ispazju tal-attiviżmu li huwa ħieles minn dan il-kontroll.”
Tajjeb li nfakkru li l-Moviment Graffitti huwa wieħed mill-ftit gruppi li jħaddnu prinċipji xellugin. Politika xellugija tħaddan l-idea li l-popolazzjoni taħdem flimkien għall-ġid komuni u taħdem għal ħelsien mill-abbuż tal-poter u l-inugwaljanza. Għalhekk Callus insista li l-Moviment Graffitti, “huwa wieħed mill-ftit spazji fil-pajjiż fejn in-nies jistgħu jkunu attivi politikament, imma 'l bogħod mill-politika partiġġjana”.
Mistoqsi jekk għad naraw lill Moviment Graffitti fl-elezzjonijiet, Andrè Callus jwieġeb b'mod skjett u jfakkar illi għalkemm il-Moviment minnufih diġà hu moviment politiku, qatt mhu se joħorġu għall-ebda elezzjoni.
'Il-ftuħ tal-aċċess għal Manoel Island jibqa wieħed mill-iktar mumenti emozzjonanti'
Andrè Callus ilu fil-Moviment Graffitti għal dawn l-aħħar 16-il sena u jammetti - meta mistoqsi liema kien l-iktar mument għal-qalbu - illi jsibha diffiċli jagħżel mument wieħed. “Dan għaliex kien hemm ħafna mumenti li, għal xi raġuni jew oħra, kellhom sinifikat importanti ħafna f'ħajti”, ikompli Callus. Hu jgħid iżda li jekk ikollu jagħżel l-iktar mument li ħalla impatt fuqu jmur għall-ftuħ tal-aċċess għal Manoel Island.
Dan seħħ lura fl-2016, wara li l-Gvern kien qal illi MIDI mhix qiegħda timxi skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt taċ-ċens illi kellha mal-Gvern dwar art f’Manoel Island. L-Awtorità tal-Ippjanar kienet saħansitra ħarġet avviż legali biex minnufih jitneħħew l-erba’ gradi li kienu twaħħlu bla permess u li ostakolaw l-aċċess tal-pubbliku għall-kosta.
“Il-ftuħ tal-aċċess għal Manoel Island jibqa wieħed mill-iktar mumenti emozzjonanti u li tgħallimt minnu”. Hu kompla jgħid li dik, "kienet kampanja li inkludiet kemm ħidma mill-qrib mal-komunità Gżirjana u mal-Kunsill Lokali, kif ukoll azzjoni diretta fejn ftaħna bil-forza post li kien ilu magħluq illegalment għal sittax-il sena sħaħ”.
Andrè Callus temm billi jgħid li din “kienet esperjenza li wrietna kemm il-ħidma fis-soċjetà u direttament mal-komunitaijiet hija importanti sabiex nilħqu l-għanijiet tagħna.” Saħansitra jgħid li fil-ġimgħat li damet għaddejja dik il-kampanja kien hemm anke persuni anzjani li avviċinaw l-Moviment Graffitti u qalulhom, bid-dmugħ f'għajnehom, li qatt ma ħasbu li se jerġgħu jidħlu f'dan il-post kemm idumu ħajjin.