L-industrija tal-proprjetà f'Malta mhux talli ma ntlaqtitx mill-pandemija talli baqgħet tespandi b'aktar minn €3 biljuni f'bejgħ matul l-2020. Dan qalitu l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) li esprimiet sodisfazzjon għal din l-informazzjoni li hi qed tiġbor u li tfakkar illi tfisser "mijiet ta' miljuni f'taxxi" fil-kaxxa ta' Malta.
L-MDA esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-miżuri li kien ħa l-Gvern waqt il-pandemija u qalet illi dak li pproponiet hi mhux talli ħalla r-riżultati, talli "eċċeda l-aspettativi."
L-MDA qalet illi informazzjoni preliminari tagħha turi illi s-suq tal-proprjetà f'Malta irreġistra 13,867 konvenju b'bejgħ ta' aktar minn €3 biljuni. Dawn ir-riżultati juru wkoll illi minkejja l-pandemija l-industrija tal-kostruzzjoni mhux biss baqgħet għaddejja imma ġabet riżultati aħjar mill-2019 meta kienu saru 13,243 konvenju. Il-valur baqa' fl-istess livelli. F'Diċembru li għadda biss saru 1,390 konvenju.
Id-Direttur Ġenerai tal-MDA Marthese Portelli qalet illi l-assoċjazzjoni se tibqa' ffukkata fuq is-suċċess filwaqt li jkomplu jiġu adottati ċerti politiki u jitressqu proposti għal industrija aktar ħadra.