Sondaġġ xjentifiku Traffiku | Lejn il-Kottonera u r-Rabat kuntenti, iżda l-Għawdxin le

It-traffiku huwa wġigħ ta' ras u ħadd ma jieħu pjaċir ikun mweħħel wara serbut karozzi.  Imma sondaġġ xjentifiku tal-ILLUM juri illi fl-ewwel jiem tas-sena 2021 it-tħassib u inwkiet fuq it-traffiku naqas, minkejja li b'36.6% l-Għawdxin mhumiex impressjonati...

Il-Maltin kif jaħsbuha dwar it-traffiku bħalissa?
Il-Maltin kif jaħsbuha dwar it-traffiku bħalissa?

Sensiela ta' sondaġġi xjentifiċi fil-forma ta' 'tracker' tal-gazzetta ILLUM - u li jħares lejn il-perċezzjoni u tħassib dwar it-traffiku fl-aħħar sentejn u tliet xhur -  juri illi t-tħassib fuq it-traffiku bħalissa jinsab fl-aktar livelli baxxi, sa minn Ottubru 2017.  Juri wkoll illi fil-bidu ta' din is-sena, għall-ewwel darba fl-aħħar sentejn, il-poplu għandu perċezzjoni aktar pożittiva milli negattiva dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku f'pajjiżna. 

Fil-fatt skont l-ewwel sondaġġ ta' din is-sena kienu biss 13.8% li esprimew perċezzjoni u tħassib negattiv dwar it-traffiku f'Malta. L-ogħla livell ta' skuntentizza u inwkiet dwar it-traffiku mmarkat minn dawn is-sejre ta' sondaġġi kien irreġistrat bejn Ġunju u Awwissu tas-sena 2018, b'55.2%.  

L-istess sondaġġ juri illi 21.4% bħalissa għandhom perċezzjoni pożittiva dwar it-traffiku filwaqt li l-maġġoranza l-kbira, jew 64.6%, qalu li la huma pożittivi pero' lanqas negattivi dwar dan is-suġġett. 

Ħarsa lejn il-perjodu Ottubru 2017 sa Jannar 2021 turi illi l-inqas rata ta' pożittività fost il-poplu dwar it-traffiku kien lejn il-bidu tal-2019 b'3.6% biss u l-ogħla kienet f'Novembru 2018 b'23.8%. 

Għall-ewwel darba minn Ottubru tal-2017, skont dawn is-sondaġġi kkummissjonati minn Infrastructre Malta, dawk li għandhom sentiment iktar pożittiv dwar it-traffiku qabżu lil dawk li għandhom sentiment negattiv b'7.6%. 

Iċ-ċifri skont kull reġjun
Iċ-ċifri skont kull reġjun

L-Għawdxin l-aktar negattivi u tal-Punent (Rabat, Dingli etc ...) l-aktar pożittivi dwar it-traffiku

Dan l-aħħar sondaġġ juri illi l-aktar negattivi dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku f'Jannar kienu l-Għawdxin b'36.3% jesprimu sentiment kritiku.  Minkejja li huwa l-ogħla, dan xorta huwa tnaqqis mis-sentiment negattiv f'Għawdex f'Novembru 2020 meta dan kien ilaħħaq is-47.6%. 
Ftit iktar minn nofs l-Għawdxin jew 52% esprimew sentiment newtrali dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku, filwaqt li kienu 11.5% biss li esprimew sentiment pożittiv. 

Dan jista' jkun riżultat ta' diversi fatturi:  Minn toroq fi stat inferjuri kif ukoll influss ta' Maltin bil-karozzi matul l-aħħar xhur, fin-nuqqas ta' possibilitajiet għal safar minħabba l-pandemija. 

Minn naħa l-oħra l-aktar pożittivi dwar it-traffiku kienu dawk mill-punent tal-pajjiż, li jinkludi r-Rabat, Ħad Dingli u Ħ'Attard, minn fejn fl-aħħar xhur beda jieħu s-sura tiegħu u jintuża l-proġett tas-Central Link.  Dan huwa proġett maġġuri li jestendi mill-Bypass tal-Imrieħel u jkompli għaddej għal Mdina Rd sat-telgħa tas-Saqqajja, ir-Rabat. 

Infrastructure Malta tgħid li dan il-proġett se jnaqqas il-ħinijiet tal-ivvjaġġar billi jibni 13-il junction, jitneħħew erba' sistemi ta' dwal tat-traffiku u jinbnew seba' kilometri ta' karreġġjati ġodda. 

Il-proġett iżda qajjem l-oppożizzjoni u r-rabja ta' bosta ambjentalisti u għaqdiet mhux governattivi hekk kif fisser teħid ta' ammont sostanzjali ta' art agrikola kif ukoll il-qtugħ u/jew rilokazzjoni ta' siġar, wħud minnhom maturi.  Diversi residenti minn Ħ'Attard ilmentaw ukoll hekk kif id-dar tagħhom issa ġiet tħares lejn triq ewlenija.

Hawnhekk kienu 8.4% biss li esprimew sentiment negattiv li huwa tnaqqis mis-16% f'Novembru tal-2020, filwaqt li 29.3% esprimew sentiment pożittiv dwar it-traffiku f'Malta li huwa żieda mit-12.3% f'Novembru 2020.  Maġġoranza ta' 62.4% esprimew sentiment aktar newtrali, mill-ġdid tnaqqis mill-71.6% irreġistrati f'Novembru 2020.

L-inqas negattivi kienu dawk li jgħixu fin-nofsinhar tal-Port u allura mill-ġdid f'żona fejn bħalissa għaddejjin proġetti kbar ta' toroq - prinċipalment dak tal-Marsa.  Hawnhekk kienu biss 3% li esprimew sentiment negattiv, filwaqt li 23% esprimew sentiment pożittiv.  Kważi 74% qalu li la huma pożittivi u lanqas negattivi dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku. 

Dawk b'edukazzjoni post-sekondarja l-aktar pożittivi

Meta imbagħad inħarsu lejn l-edukazzjoni naraw kif l-aktar li taw analiżi pożittiva kienu dawk li għandhom edukazzjoni post-sekondarja b'29.4% filwaqt li b'15.8% dawk b'edukazzjoni terzjarja kienu l-aktar negattivi dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku.  Mill-ġdid maġġoranza qawwija fil-gruppi kollha ta' etajiet taw reazzjoni newtrali. 

L-istess meta l-parteċipanti jinqasmu skont l-etajiet u l-ġeneru - id-differenzi jibqgħu minimi bil-maġġoranza jibqgħu b'sentiment newtrali dwar it-traffiku f'Malta bħalissa. 

Ir-reġjuni
Nofsinhar tal-Port: Valletta, Il-Birgu, L-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, Floriana, Kalkara, Luqa, Marsa, Paola, St Luċija, Tarxien, Xgħajra.

Tramuntana tal-Port: Qormi, Birkirkara, Gżira, Ħamrun, Msida, Pembroke, Pieta, St Ġilajn, San Ġwann, St Venera, Tas-Sliema, Is-Swieqi, Ta’ Xbiex.

Xlokk: Żejtun, Birżebbuga, Gudja, Ħal-Għaxaq, Ħal-Kirkop, Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Mqabba, Qrendi, Ħal-Safi, Żurrieq.

Punent: L-Imdina, Żebbuġ, Siġġiewi, Ħ;Attard, Balzan, Ħad-Dingli, Il-klin, Ħal-Lija, ir-Rabat, L-Imtarfa.

Tramuntana: Il-Għargħur, il-Mellieħa, L-Imġarr, il-Mosta, Naxxar, San Pawl il-Baħar

Għawdex

More in Politika