L-eks Ministru u eks Deputat Mexxej Chris Cardona mhux biss ċaħad ix-xhieda tal-Koħħu lbieraħ imma sostna li dak li qal huwa gideb u li hu qatt ma ltaqa' ma' nies f'Kastilja. Ilbieraħ Vince Muscat ta xhieda illi fiha spjega kif kien wassal lil Alfred Degiorgio madwar erba' darbiet Kastilja u kif dan kien qallu illi kien imur jiltaqa' ma' Cardona. L-eks Ministru sostna illi dak li qal il-Koħħu huwa "ġenn u gideb sfaċċat."
Cardona, f'kummenti ma' The Malta Independent, qal li hu qatt ma kien jaf bi pjanijiet biex jinqatel xi ħadd u ddeskriva dak li qal il-Koħħu bħala immaġinazzjoni.
Huwa ddeskriva bħala "interessanti" il-fatt li intqal li hu qed jiltaqa' ma' persuni f'Kastilja filwaqt li sostna illi kulħadd jaf li biex tidħol Kastilja trid tħalli ismek "u allura wieħed jista' faċilment isib mir-rekords li dawn l-istqarrijiet mhumiex minnhom. Jiena qatt ma ltqajt ma' nies Kastilja. Kastilja ma kinitx il-Ministeru tiegħi," sostna Cardona.
Huwa temm jgħid li ma jistax jifhem għalfejn qed isiru dawn il-gideb mill-Koħħu kontrih.