Numru kbir ħafna ta' ġenituri jinsabu inkwetati ferm hekk kif ftit sigħat oħra jibda l-ewwel jum illi fih uliedhom mhux se jkunu qed imorru l-iskola. Ġenituri ta' tfal żgħar li tkellmu mal-gazzetta ILLUM u li fl-aħħar jiem tawha wkoll għall-midja soċjali, hekk kif se jkunu kostretti jibqgħu d-dar mingħajr ebda forma ta' inċentivi vijabbli minn naħa tal-Gvern, esprimew tħassib kbir hekk kif min qed iħaddimhom qed jesiġi li huma jmorru l-uffiċċju jew fuq il-post tax-xogħol xorta waħda minn għada. "U bit-tfal x'se nagħmlu?" jistaqsi missier.
Il-gazzetta ILLUM hija infurmata li bank lokali bagħat ċirkolari illi fihom qed jagħmilha ċara li l-impjegati tiegħu jeħtieġ imorru għax-xogħol xorta. Dan filwaqt li kelliem tal-Union Ħadiema Magħqudin Voice of the Workers (UĦM) ikkonferma illi fl-aħħar jiem kienu qed jirċievu "telefonati ma jaqtgħu xejn minn għexieren ta' ħaddiema tal-Gvern" inkwetati ħafna. Minkejja direttiva mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar li permezz tagħha ġie dirett biex il-ħaddiema fis-settur pubbliku kollu li xogħlhom m’hemmx għalfejn isir mill-uffiċċji jaħdmu bit-teleworking, il-kelliem tal-UĦM sostna li qed ikun hemm entitajiet pubbliċi li qed jirreżistu illi ħaddiema jaħdmu bit-teleworking. "Ċerti postijiet qed jagħmluha diffiċli biex il-ħaddiema jibqgħu d-dar. Dan mhux qed nitkellmu fuq ftit ħaddiema, għexieren kuljum qed iċemplulna inkwetati għax ma jafux x'se jagħmlu."
Mal-ILLUM il-President tal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Paul Pace ikkonferma li din se tfisser daqqa kbira għall-infermiera. Huwa qal li minn għada "mijiet ta' infermiera mhux se jiġu għax-xogħol għax iridu jibqgħu bit-tfal."
Mistoqsi jekk is-sitwazzjoni hix l-istess bħas-sena l-oħra, Pace wieġeb li dan mhux il-każ. "Dażgur li le, is-sitwazzjoni bħalissa hija ħafna agħar. L-Isptar mifqugħ bil-każi tal-Covid. Għalhekk aħna sostnejna li kellhom isiru miżuri qabel, biex ma naslux f'dan l-istat" sostna.
Intant mal-gazzetta ILLUM il-Ministru Michael Falzon ikkonferma li għalissa l-Parent Benefit mogħti s-sena l-oħra meta faqqgħet il-pandemija, mhux se jingħata għal diversi raġunijiet fosthom li Malta mhux qed issejjaħ Stat ta' Emerġenza tas-Saħħa u li ħafna iktar ġenituri llum baqgħu jagħmlu t-telework.
"Fejn se nħalli lill-uliedi jiena?" staqsa missier li qed irabbi lil uliedu waħdu. "Prattikament se nuża l-leave kollu biex nibqa' d-dar. U meta jispiċċali kollu, x'nagħmel noqgħod bl-unpaid leave? U kif se nħallas il-post jiena?" Hu qal li l-inkwiet tiegħu huwa ta' ħafna ġenituri u appella lill-Gvern biex jgħin, imqar billi jinħoloq special leave.
Minn naħa tiegħu l-kelliem tal-UĦM temm jgħid li dak li qed tgħid il-unjin huwa li fejn hemm ġenitur li jista' jibqa' d-dar, l-ieħor għandu jmur jaħdem. "Imma hemm diversi każi fejn ġenitur ma jistax jagħmel mod ieħor."
'Jekk għalqu l-iskejjel, ħa nibgħathom child care?'
Intant din il-ġimgħa wkoll intqal mill-Gvern li ser issir faċilità ta' child care għal dawk li ma jistgħux jagħmlu t-telework, imma mill-ġdid il-ġenituri li tkellmu ma' din il-gazzetta ma' tantx laqgħu dan b'entużjażmu.
"Jekk aħna għalaqna l-iskejjel x'sens jagħmel li nibgħatuhom child care? Apparti minn hekk dawn mhux suppost se jibdew bil-klassijiet online. Kif se jagħmlu klassijiet onlajn jekk ikunu fiċ-childcare ma' xi 15-il tifel jew tifla oħra?"
Is-sena l-oħra ġenituri li ma setgħux imorru ix-xogħol minħabba l-għeluq tal-iskejjel, ingħataw benefiċċju, biex jgħinhom minħabba li jibqgħu d-dar. Impjegati li kienu eliġibbli għal dan il-beneffiċċju kienu qed jirċievu €166.15 kull ġimgħa jekk huma full-time u €103.85 fil-ġimgħa jekk jaħdmu part-time.
Dan il-benefiċċju ma naqqas xejn minn benefiċċji bħat-tapering u kien ifisser żieda żgħira fiċ-childrens' allowance biex jirrifletti dan it-tnaqqis fid-dħul.
Il-Ministru Falzon sostna illi s-sitwazzjoni illum hija differenti għaliex ħafna ġenituri diġà qed jaħdmu mid-dar - għax baqgħu jagħmlu hekk - għalkemm sostna li fir-rigward tal-Parent Benefit il-Gvern "mhu jeskludi xejn".
Minn għada eluf kbar ta' studenti se jkunu qed jibqgħu -d-dar , bi klassijiet onlajn, wara miżura mħabbra fid-dawl tan-numri rekord tal-Covid-19 li qed ikunu reġistrati, bl-akbar numru ta' każi jlaħħaq il-510 f'24 siegħa.