Alfred Sant jopponi sistema armonizzata tal-UE dwar penali tat-taxxa

Sant irrikonoxxa li t-trasparenza fit-taxxa u l-kooperazzjoni mill-qrib tal-awtoritajiet tat-taxxa fl-UE jiżguraw li l-libertà li tinvesti u li topera lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ssir b’mod ġust

L-MEP Alfred Sant
L-MEP Alfred Sant

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant ivvota favur proposta li temenda Direttiva tal-UE dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa iżda esprima bil-qawwa nuqqas ta’ qbil dwar l-idea ta’ sistema armonizzata ta’ penali tat-taxxa madwar l-UE.

"Arranġament bħal dan ma jkunx iqis id-differenzi bejn l-Istati Membri u s-sistemi ta’ taxxi tagħhom," qal l-MEP.

Fi stqarrija lis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, Alfred Sant esprima wkoll nuqqas ta’ qbil mat-tattika li qed tintuża bħalissa biex jintużaw miżuri li għandhom ikunu maħsuba biex isostnu kompetizzjoni ġusta tat-taxxa fost ekonomiji miftuħa u attraenti, bħala spinta għall-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni diretta. madwar l-Ewropa.

Alfred Sant irrikonoxxa li t-trasparenza fit-taxxa u l-kooperazzjoni mill-qrib tal-awtoritajiet tat-taxxa fl-UE jiżguraw li l-libertà li tinvesti u li topera lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ssir b’mod ġust. Huwa żied jgħid li l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tat-taxxa tassew uriet li hija metodu adegwat biex taqbad u tipprevjeni l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

Il-proposta tibni fuq kompromess riċenti milħuq mill-Istati Membri tal-UE biex jestendu r-regoli tat-trasparenza tat-taxxa tal-UE għal pjattaformi diġitali li jiżguraw li awtomatikament jiskambjaw informazzjoni dwar id-dħul iġġenerat mill-bejjiegħa fuq pjattaformi diġitali, kemm jekk il-pjattaforma tinsab fl-UE kif ukoll jekk le.

Alfred Sant qal li jilqa’ b’mod pożittiv it-titjib fid-direttiva, speċjalment meta, bħal fir-reviżjoni preżenti, l-għan ewlieni huwa li tikkonforma mal-ħtiġijiet ta’ ekonomija dejjem aktar diġitalizzata.

"Il-pjattaformi diġitali għandhom jirrappurtaw lill-bejjiegħa u d-dħul li jiksbu bl-użu tal-pjattaforma tagħhom", qal Alfred Sant lill-Parlament Ewropew.

More in Politika