Esklussiva | L-(eks) Diretturi tat-Times iffrodaw mas-€750,000 mill-Malta Enterprise

€750,000 fi frodi mill-Malta Enterprise minn dawk li kienu jmexxu l-Allied Newspapers - li tippubblika it-Times u s-Sunday Times - Il-Maġistrat jitlob li jiġi investigat ukoll id-Direttur Maniġerjali kurrenti

Vincent Buhagiar ilbieraħ jittella' l-Qorti
Vincent Buhagiar ilbieraħ jittella' l-Qorti

Il-gazzetta ILLUM tista' tiżvela illi l-Pulizija qed ifittxu lid-Diretturi tal-Allied Newspapers - wieħed minnhom imressaq quddiem il-Qorti lbieraħ - għal frodi li jlaħħaq xejn inqas minn madwar €750,000 meta dawn id-diretturi xtraw stamperija fl-Imrieħel, mingħand l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri u ħadu €1.7 miljun bħala "investment aid."

Kien żvelat illi fuq medda ta' snin l-Allied Newspapers ħadu madwar €690,000 mingħand Schembri, snin qabel ma' dan kien Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fil-fatt fil-Qorti kien ikkonfermat li dan il-każ imur lura għall-2010. 

 Dawn il-flus allegatament tpoġġew f'kont fil-British Virgin Islands. 

Intant din il-gazzetta tinsab infurmata wkoll illi l-inkjesta Maġisterjali qed tindika li l-Maġistrat talbet lill-Pulizija biex tinvestiga wkoll lil Michel Rizzo, Direttur Maniġerjali kurrenti tal-kumpanija. 

Ir-rapport Bonello

L-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello illum imexxi il-Fondazzjoni Strickland - li hija s-sid u għandha 78% tal-ishma tal-Allied Group.  L-istess Bonello lura fl-2016 kien imqabbad mill-kumpanija biex imexxi inkjesta fuq l-akkużi tal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil dwar ħasil ta' flus bejn Hillman u Schembri. 

Dan ir-rapport qatt ma ra d-dawl tax-xemx - anke jekk seta' tefa' dawl fuq dan il-każ - iżda ġie ppreżentat lill-Fondazzjoni u l-Bord tad-Diretturi tal-Allied Newspapers.  

Dan l-episodju kollu wassal biex il-kumpanija Allied Newspapers tagħmel djun kbar li wassluha biex tagħlaq l-istamperija, wara investiment enormi ta' €26 miljun.

Intant f'dan iż-żmien illi fih seħħ l-allegat frodi d-ditta ta' Mario De Marco - ħabib ta' Hillman u membru tal-Istrickland Foundation -  kienet qed tagħti għajnuna legali lill-Malta Enterprise.  Mas-sit illum.com.mt De Marco ċċara li Guido de Marco & Associates hija biss waħda minn numru ta’ ditti legali li joffru servizzi legali lil Malta Enterprise. "Dan minbarra il-fatt ukoll li Malta Enterprise għandha dipartiment legali in-house."

De Marci ċċara wkoll li d-ditta qatt ma intalbet tagħti parir mill-Malta Enterprise fuq xi materja li kienet tikkoncerna b’xi mod lil Allied Group. "Inżid ngħid li jien personalment waqaft nippratika ta avukat bejn l-2008 u l-2013, iż-żmien li fih jien kont niforma parti mill-Kabinett tal-Gvern. Il-każ li fuqu hija ibbażata l-istorja seħħ, madwar l-2010,  propju f’dan il-perjodu li jiena waqaft nippratika ta’ avukat."

Huwa ċaħad ukoll li l-Fondazzjoni kellha f'idejha r-rapport ta' Bonello. 

More in Politika