Il-PM jikkonferma li l-Koħħu talab maħfra presidenzjali oħra
Jidher li Vince Muscat irid jgħaddi informazzjoni dwar żewġ serqiet u assassinju li għadhom mhux solvuti
More in Politika
Jidher li Vince Muscat irid jgħaddi informazzjoni dwar żewġ serqiet u assassinju li għadhom mhux solvuti
Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li l-kabinett irċieva talba oħra għall-maħfra presidenzjali mingħand Vince Muscat, 'il-Koħħu.'
Huwa kkonferma dan malli ħareġ mill-Parlament ilbieraħ filgħaxija.
Muscat ingħata sentenza ta' 15-il sena ħabs wara li wieġeb ħati għall-involviment tiegħu fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Huwa ngħata l-maħfra presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop, lura fl-2015.
Muscat aċċetta li jgħaddi l-informazzjoni kollha dwar l-irġiel li ordnaw u wettqu dan il-qtil.
Jidher li Vince Muscat irid jgħaddi informazzjoni dwar żewġ serqiet u assassinju. Għadu mhux magħruf għal-liema reati qed jirreferi iżda t-tliet każi għadhom mhux solvuti sa issa.
Aktar kmieni dan ix-xahar, Muscat qal li kien involut "f'biċċa xogħol kbira" li kienet tinvolvi lill-eks Ministru Chris Cardona u anke lil Ministru ieħor li ma semmihx.
Huwa ta wkoll id-dettalji tas-serqa tal-HSBC tal-2010, liema serqa kienet falliet, anke jekk ma identifika lil ħadd. Għamel dan biex jingħata l-maħfra presidenzjali għal diversi reati li wettaq, iżda din it-talba tiegħu ma kinitx milqugħa.
Qal li jista' jidentifika Ministru preżenti tal-Gvern li kien involut f'din is-serqa.
L-aħwa Robert u Adrian Agius, magħrufa bħala Tal-Maksar u seħibhom Jamie Vella kienu ġew arrestati wara li l-Koħħu ngħata l-maħfra presidenzjali għall-allegat involviment tagħhom fil-qtil ta' Caruana Galizia u anke l-Avukat Chircop.