Zammit Lewis jitlob apoloġija talli qal li l-votanti Laburisti huma "ġaħan"

Mal-ILLUM jgħid li hija ċara illi l-attakki kontrih qed isiru minn nies "li ma jridunix Ministru tal-Ġustizzja" u li jgħid ukoll li Robert Abela jinsab warajh "b'appoġġ sħiħ" - imma ma jwegibx jekk hux ħiereġ għall-elezzjoni jew le!

Il-Ministru Edward Zammit Lewis
Il-Ministru Edward Zammit Lewis

Edward Zammit Lewis sostna f'risposti lill-gazzetta ILLUM li dak li qed jintqal dwaru bħalissa huwa "attakk ta' min jridnix Ministru tal-Ġustizzja." Mistoqsi jekk hux qed jirrefrri għal nies lilhinn mill-Oppożizzjoni jew l-għaqda Repubblika, Zammit Lewis reġa' sostna li dan huwa assassinju tal-karattru minn nies - li skont hu - mhumiex kuntenti bix-xogħol li qed iwettaq. 

Huwa talab apoloġija wkoll għall-kumment ġaħan, liema kumment għadda f'Whatssapp chat li kellu ma' Yorgen Fenech. 

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Zammit Lewis jekk jaħsibx li għamel ġudizzju politiku żbaljat meta baqa' jitkellem ma' persuna li kienet għadha kif inkixfet bħala sid 17 Black u li allura kien ovvju li fuqu kien se jkun hemm dellijiet tqal. 

Filwaqt li reġa' sostna li dan huwa assassinju tal-karattru, il-Ministru esprima t-tama li deputati nazzjonalisti li għandhom kuntratti, xogħol jew inkella li baqa' jkollhom komunikazzjoni ma' Yorgen Fenech jitkellmu fil-mozzjoni  ta' sfiduċja kontirh. 

Mitlub iżda biex iwieġeb il-mistoqsija li saritlu, Zammit Lewis qal li l-messaġġi li bagħat hu dejjem kienu fi spirtu ġenwin (Bona fede), sostna li hu qatt ma qagħad jiddiskuti 17 Black u li meta kellmu lil Yorgen Fenech 17 Black "kienet għadha allegazzjoni." Ifakkar ukoll li hu kien

Deputat u mhux Ministru meta kellu din il-komunikazzjoni ma' Fenech. 

Kien id-Daphne Project - konsorzju ta' ġurnalisti -  li żvela illi 17 Black kienet kumpanija fid-Dubaj, kienet ta' Yorgen Fenech u kienet ukoll target client tal-kumpaniji Tillgate Inc. u Hearnville Inc, ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi rispettivament. Kien żvelat ukoll illi f'17 Black kienu daħlu $1.6 miljun, li $1.2 miljun minnhom kienu ġejjin minn ċertu Rufat Bartzada, ħaddiem ta' sigurtà f'sit ta' kostruzzjoni, mill-Ażerbajġan. Il-$200,000 l-oħra kien irrapportat illi kienu ġejjin mill-aġent lokali tat-tanker tal-gass LNG. 

Għall-bidu Yorgen Fenech la kien ikkonferma imma lanqas ċaħad li 17 Black hija tiegħu, għalkemm huwa ċaħad li din il-kumpanija hija marbuta ma' kumpaniji fil-Panama.

'Ġaħan' u 'l-pożi'

Forsi l-aktar kwistjoni dannuża għal Zammit Lewis kien il-kumment tiegħu ma' Fenech li l-votant Laburist huwa "ġaħan" għax imur għal "pożi" mhux għall-esperjenza. Ma jaħsibx li żbalja bil-kbir meta qal dan il-kliem fuq dawk li minnhom jiddependi biex jinsab fejn jinsab fil-politika?

Zammit Lewis sostna illi dakinhar huwa kien qed jitkellem b'sens ta' diżappunt politiku għax ma kienx tela' fl-elezzjoni tal-2017 (sussegwentement tela' bil-by-election) "u kont qed nitkellem fuq is-sistema klijentelista ta' pajjiżna, illi fiha jekk ma taqdix nies ma tiġix elett. U jiena nemmen li l-livelli li bihom politiku jiġi ġġudikat għandhom ikunu ogħla."

Huwa imbagħad jisħaq li hu Laburist daqs il-Laburisti "u aktar", li ma ġiex mill-PN imma dejjem kien fil-partit u jelenka lista ta' karigi li kellu fil-Partit Laburista, fosthom President tal-fergħa taż-żgħażagħ, Kunsillier u Segretarju Parlamentari kif ukoll Ministru fi Gvernijiet Laburisti. 

"Miegħi jafu fejn qegħdin u se jsibuni kif dejjem sabuni, fosthom meta fl-2017 minflok l-eks PM Muscat, mort jiena niddefendi lill-partit u lill-Gvern ta' Muscat fuq it-TV. Muscat qalli biex immur minfloku u mort - u nerġa nagħmilha," sostna ma' din il-gazzetta Zammit Lewis. 
Huwa qal li jiskuża rużu tal-kumment, imma sostna wkoll li l-ħidma tiegħu fil-partit u mal-attivisti titkellem waħedha. 

'Indikaw okkażjoni waħda fejn waqqaft il-ġustizzja'

Naturalment l-akkuża li qed issir fil-konfront tiegħu bħala Ministru hija: kif jista' jkun li jaqdi dmiru ta' Ministru tal-Ġustizzja sew meta huwa ħabib ma' persuna akkużata b'assassinju ta' ġurnalista. 

Huwa qal illi x-xogħol li għamel fl-aħħar sena u nofs "jitkellem waħdu u lanqas iħalli dubju." 

Huwa qal illi kemm ilu Ministru hu żdiedu l-prosekuzzjonijiet, tressqu aktar nies il-Qorti, saru riformi Kostituzzjonali u istituzzjonali u saru riformi biex jitħaffu l-proċeduri fil-Qorti.

Iżda Zammit Lewis għamel sfida lil dawk li qed jikkritikawh: "Nisfida li jindikaw okkażjoni waħda, li hi waħda meta waqqaft il-ġustizzja milli ssir."

"Jiena kont onest biżżejjed li għidt li kont nafu - issa hemm il-pulizija. Min irid jarahom, jarahom il-messaġġi u jaraw isibux xi ħaġa fuqi," saħaq il-Ministru. 
Huwa sostna li dmiru dejjem qdieh - skont hu - "b'mod impekkabbli" u qal ukoll li ħadd mhu se jwaqqfu milli jaqdi dmiru. 

'Dan huwa assassinju tal-karattru'

L-aħħar messaġġi li ġew żvelati kienu dawk li fihom huwa jgħid illi qed iħoss ħafna in-nuqqas ta' Fenech ("I miss you so much). Il-gazzetta tistaqsih jispjega x'inhuma eżatt dawn il-messaġġi. 

Il-Ministru Edward Zammit Lewis reġa' fakkar li hu qatt ma ċaħad li hemm messaġġi bejn it-tnejn u kien hawn li qal li dan "huwa assassinju tal-karattru minn min ma jogħġbux ix-xogħol li qed nagħmel jiena. Min ma jogħġbux dak li għamilt qed jattakkani."

Huwa qal li jekk hemm min qed jimplika affarijiet oħrajn "forsi li għandi tendenzi sesswali oħrajn - għalkemm ma jkun ġara xejn - dik ikun jonqoshom jgħidu."

Huwa reġa' sostna li huwa ċar "li hemm min ma jridnix Ministru tal-Ġustizzja." 

Mistoqsi jekk hux qed jimplika li hemm nies lilhinn mill-Oppożizzjoni jew saħansitra fil-Gvern li qed jagħmlulu l-ħsara, Zammit Lewis reġa' sostna li "hemm nies li ma jridunix Ministru tal-Ġustizzja. Ċara. U qed inkun ċar." 

'Il-PM tani l-appoġġ sħiħ'

Tkellem mal-PM dwar dan kollu? 

Zammit Lewis jirrispondi billi jgħid illi l-PM "tani l-appoġġ sħiħ u jiġri x'jiġri jiena se nagħtih l-appoġġ tiegħi - għalhekk jiena Laburist," saħaq mal-ILLUM Zammit Lewis. 

U finalment se jerġa jikkontesta l-elezzjoni?

Huwa jgħid illi din hija deċiżjoni tiegħu, "pero' jiena ngawdi appoġġ b'saħħtu fit-tmien distrett elettorali u ħafna jriduni noħroġ," itemm jgħid il-Ministru Edward Zammit Lewis. 

More in Politika