Tlettax-il dipartiment tal-gvern jibdew jaħdmu b’mod remot

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku qallL-esperjenza tal-COVID-19 uriet li s-servizz ma kienx mittiefes waqt il-pandemija

Tlettax-il dipartiment tal-Gvern se jibdew jaħdmu bir-remote working matul dan ix-xahar.

Ħabbar dan is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ta dettalji dwar it-tranżizzjoni tas-Servizz Pubbliku għar-remote working. 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li din il-policy għandha l-għan li tilħaq bilanċi ġodda bejn il-ħajja u x-xogħol. Hu spjega li l-policy hi frott ta’ sentejn xogħol, li nbeda minn proġett pilota lura fl-2019 qabel il-pandemija tal-COVID-19. 

“Barra l-proġett pilota sar stħarriġ dettaljat waqt il-COVID meta l-ħaddiema tal-gvern kienu qed jaħdmu mid-dar dwar kif xogħol lil hinn mill-uffiċċju impatta s-servizz u l-ħaddiema. Ħadna nota tal-konklużjonijiet. Fost l-oħrajn irriżulta l-bżonn li jkollna remote workspaces, fejn dawn l-uffiċjali jistgħu jagħmlu użu minnhom waqt li jaħdmu b’mod remot. F’Jannar ħabbarna li sal-aħħar tas-sena se jkollna 15-il workspace, illum nista’ nħabbar li dawn tlestew kollha u jistgħu jintużaw”, spjega Cutajar.

Qal ukoll li matul l-2023, dawn l-ispazji se jirduppjaw.

Apparti minn hekk qal ukoll li dħall-ewwel darba, din il-policy se tħaddan ukoll ir-right to disconnect.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku qal li dan qed isir ukoll permezz ta’ linji gwida dettaljati u b’taħriġ speċjalizzat kemm lill-impjegati li se jaħdmu b’mod remot kif ukoll lil managers tagħhom li jridu jmexxu b’mod remot. 

“L-esperjenza tal-COVID-19 urietna li s-servizz ma kienx mittiefes waqt il-pandemija. B’dak l-għarfien u bl-esperjenza tal-proġett pilota, konvint li r-remote working se jimmotiva aktar l-uffiċjali pubbliċi, biex jingħataw riżultati aħjar. Għal darb’oħra qed inkunu leaders li nixprunaw il-bidla fil-pajjiż," insista Cutajar. 

More in Politika