Baġit 2022 | 'Il-Gvern ma għamel xejn biex irażżan l-għoli tal-ħajja' - PN
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-PN insista wkoll li l-Gvern naqas milli jindirizza l-effetti negattivi tal-lista l-griża fuq in-negozji
minn Yendrick Cioffi
“Ma rajna xejn biex il-Gvern irażżan l-għoli tal-ħajja. Il-kumpens mogħti għall-għoli tal-ħajja huwa ftit wisq għaż-żidiet fl-inflazzjoni. Il-Gvern ma fadallux flus biex iwieżen lin-nies. Għalik kellu €1.75 biss. Għall-Steward u għall-Electrogas kellu l-eluf.”
Hekk saħqu kelliema u kandidati tal-Partit Nazzjonalista waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-Baġit li ppreżenta l-Gvern ilbieraħ, liema Baġit iddeskrivewh bħala wieħed li jaħseb biss għal-lum, ma jippjanax għall-futur u ma jaħseb xejn dwar l-oqsma kruċjali li huma importanti għall-ekonomija.
Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija, Kristy Debono, tkellmet dwar il-lista l-griża u insistiet li minkejja li din tibqa’ l-akbar ostaklu għat-tkabbir u anke għall-iżvilupp ekonomiku, il-Gvern ma ppreżenta l-ebda pjan konkret dwar kif se jilqa’ għall-effetti tagħha u anke kif se joħroġ lill-pajjiż minnha.
“Negozji qed jiġu kkastigati ta’ kuljum għall-iżbalji tal-Gvern u dan mhuwiex aċċettabbli. Każ fejn jiżbalja l-kbir u nsallbu lin-negozji. Is-salib tal-lista l-griża qed iġorru l-poplu kollu,” insisiet Debono.
Insistiet li l-Baġit jonqos ukoll milli jippreżenta proposti konkreti biex irendu dħul għall-pajjiż u joħolqu impjiegi ta’ kwalità.
“Dan il-Baġit, lill-uliedna se jħallilhom pajjiż li jridu jħallsu d-dejn ta’ Gvern kapriċċuż u Gvern li ma jippjanax,” kompliet tisħaq.
'Il-Gvern ma jsemmi xejn dwar oqsma kruċjali għall-ekonomija'
Il-kandidat Jerome Caruana Cilia insista wkoll li l-Gvern falla bi kbir fil-miri finanzjarji tiegħu u insista li dan mhuwiex biss effett tal-pandemija imma anke wkoll frott tal-korruzzjoni li fissret il-ħela tal-miljuni.
Kien hawn li saħaq li l-Gvern ma semma xejn dwar l-oqsma kruċjali li hemm bżonn li jiġu sostuni għax irendu pagi b’saħħithom jew inkella oqsma ġodda li huma importanti biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità.
Fost dawn semma s-settur tas-servizzi finanzjarji u saħaq li l-Gvern, flok investa f’dan il-qasam, spiċċa biex qed jipperikolah b’mod dirett.
“Jekk inti kont tgħix fil-prekarjat, dan il-Baġit se jħallik tgħix fil-prekarjat,” kompla jisħaq waqt li saħaq li disa’ snin wara li wiegħed il-Living Wage, il-Gvern għadu ma għamel xejn dwarha.
Faħħar ukoll proposti oħra u li fi kliemu il-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem dwarhom għal diversi xhur u ġimgħat.
'Il-Gvern ma jispjegax minn fejn ġej id-dħul biex jiffinanzja l-Baġit'
Tal-istess fehma kien il-Kandidat Noel Muscat li saħaq kif il-Baġit ma tkellem xejn dwar id-dħul li se jiġġenera l-Gvern biex jiffinanzja l-Baġit.
Insista li dak tal-bieraħ kien qisu l-ewwel Baġit tal-Gvern li ma komplix jibni fuq dawk tas-snin l-imgħoddija. “Anzi prova jgħatti l-iżbalji li saru ta’ qablu,” kompla jisħaq.
Tkellem dwar il-frontliners u insista li dawn intesew kompletament, meta mbagħad il-Gvern baqa’ jippremja lil Steward u lill-Electrogas “li qed jisirquna.”
Iddeskriva l-kumpens għall-għoli tal-ħajja bħala “daħqa fil-wiċċ” u insista li anke jekk din hija kkalkulata fuq il-mekkaniżmu tal-COLA, il-Gvern seta’ għamel xi ħaġa.
Insista li l-Gvern nesa wkoll l-isports u l-kunsilli lokali.
“Baġit teatrin li ma ppjana xejn għall-futur,” temm jisħaq.