Baġit 2022|L-MDA tilqa’ l-baġit iżda tesprimi diżappunt fuq l-ambjent
Tipproponi lill-Gvern biex jikkonsidra l-proposti tagħha favur il-carbon neutrality għal matul is-sena
More in Politika
Tipproponi lill-Gvern biex jikkonsidra l-proposti tagħha favur il-carbon neutrality għal matul is-sena
L-Assoċjazzjoni Żviluppaturi Maltin (MDA) fi stqarrija tilqa bi pjaċir il-baġit 2022. Tinnota li dan kien wieħed b’ruħ soċjali, fejn għal darb’oħra ma żdiedux taxxi u ġġeddew l-inċentivi li kienu fis-seħħ u li permezz tagħhom, fuq inizjattiva tal-MDA, il-poplu gawda għaliex setgħa jagħmel investiment f’saħħtu, anke fi żmien diffiċli.
L-Assoċjazzjoni temmen li l-likwidità tikber meta ma jittieħdux miżuri ta’ awsterità u konsewenza ta’ dan, l-investiment jitkattar. Tgħid ukoll li l-Gvern, f’dan il-baġit irrikonoxxa l-importanza tal-industrija tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni billi reġgħa ġedded l-iskemi relatati max-xiri ta’ proprjetà, fosthom tal-first u s-second time buyers, skemi li aġevolaw nies li xtaqu jsiru sidien ta’ djarhom, filwaqt li ħallew impatt pożittiv fuq l-ekonomija Maltija.
Għaldaqstant l-MDA tisħaq li ilha sni sħaħ tisħaq li għandhom jingħataw inċentivi biex l-investitur iħares lejn proprjetajiet eżistenti, mtluqin u abbandunati u jagħtihom ħajja ġdida bulli jirripristinahom b’rispett gaħat-tradizzjoni u l-kultura Maltija.
Għalhekk, l-inċentiva ta’ ħelsien mit-taxxa fuq bejgħ u xiri ta’ proprjetà vakanti jew UCA jew bi stil tradizzjonali flimkien ma’ grants għal min jagħmel dan met jixtri l-ewwel dar tiegħu ukoll intlaqgħet tajjeb ferm ukoll. Iżżid ukoll li l-inċentivi fiskali għal min jirrestawra dawn it-tip ta’ binjiet b’għotja fuq il-valur tal-VAT imħallas sa’ massimu ta’ €54,000, għal fuq l-ewwel €300,000 fi spejjeż ta’ restawr u rfinar ta’ dawn il-propjetajiet, intlaqgħet tajjeb ukoll.
“Dan għandu jwassal għal tisbieħ tal-lokalitajiet tagħna u jagħti inċentiv lil min ikun irid jinvesti fil-bini nnifsu u mħux biss lil min ikun irid jinvesti fl-art”, qalet l-MDA.
Tirrimarka li kien hemm punti oħra pożittivi fosthom l-inċentivi għal min ibiegħ proprjetà li kienet mikrija b’rata affordabbli u l-kreazzjoni ta’ fondazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat. L-MDA kienet saħqet li li kreazzjoni ta’ privat public partnership f’dan is-settur kienet idea li tista’ tagħti l-frott. Issemmi wkoll il-miżura l-ħlas tal-overtime bi tnaqqis ta’ 15% fuq l-ewwel €10,000 qliegħ.
L-MDA bi proposti għal tul is-sena
L-MDA għalkemm tilqa’ l-inċentivi u l-proposti tal-gvern ukoll fil-qasam tal-enerġija rinovabbli kif ukoll biex tiġġedded l-ekonomija l-ħadra, b’dispjaċir tinnota li l-proposti tagħha biex jiġu inċentivati l-bejgħ u x-xiri ta’ proprjetajiet bl-għola standards, fejn jidħol l-ambjent u l-qalba gradwali għall-carbon neutrality ma sabux posthom fil-baġit ta’ din is-sena.
Hija tal-fehma li dawn il-proposti setgħu jgħinu biex pajjiżna tilħaq il-miri ambjentali tagħha fil-ħin u għaldaqstant tħeġġeġ lill-gvern biex jikkunsidra bis-serjetà jekk għandux jadotthom xorta waħda billi jdaħħal miżuri ġodda dwarhom tul is-sena.
Tisħaq bi sħiħ li, fl-aħħar minn l-aħħar, il-proposti tal-MDA kienu proposti biex jitnaqqsu t-taxxi għax-xerrejja u mhux għall-iżviluppaturi bl-intenzjoni li s-suq jibqa’ jiċċalaq lejn wieħed fejn l-istandards għoljin fl-ambjent ikunu mitluba mix-xerrej innifsu.
Fl-aħħar tikkonkludi tgħid li huwa baġit pożittiv u mifrux fuq it-tqassim tiegħu, li ser iħalli l-flus fil-bwiet tal-poplu u tifraħ lill-Gvern li fasslu, b’mod partikolari issa għax wara x-xhur tal-pandemija, li swiet il-miljuni lill-pajjiż.