Baġit 2022|L-ACE temmen li l-baġit huwa pożittiv u sostenibbli

Baġit li jiżgura s-sostenibiltà ambjentali, edukattiva u ekonomika.

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Isabbiliment tal-Catering (ACE) tisħaq li l-baġit imħabbar mill l-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana,  huwa wieħed pożittiv u li possibilment se jkompli jqajjem diskussjoni u konsultazzjoni fuq l-implimentazzjoni ta’ aktar miżuri fix-xhur li ġejjin. 

L-ACE tilqa’ ż-żiediet importanti fosthom dawk tal-pensjoni u l-istipendji tal-istudenti, għaliex bla dubju se jkollhom impatt pożittiv fuq is-settur tal-catering. L-ACE tħoss li dan il-baġit qiegħed jinkoraġixxi aktar xogħol permezz tal-miżuri fir-rigward ta’ overtime u part-time, li eventwalment se jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema li qiegħed jesperjenza bħalissa dan is-settur. 

Tgħid li l-miżura tal-in-work benefit hija waħda pożittiva li se tassisti l-kwistjonijiet tal-kapital uman fi ħdan dan l-istess settur. Madankollu, l-ACE temmen li hemm bżonn li tittieħed aktar azzjoni biex jindirizzaw din il-kwisjoni u għaldaqstant tiżgura li l-Gvern tilħaq il-miri tas-settur tat-Turiżmu.

Minkejja dan, l-ACE tesprimi li xtaqet li l-intraprendituri ingħataw il-possibiltà li jkollhom aktar l-għażla dwar l-allokazzjoni tal-allowances fuq l-intaxxar kurrenti jew isir rapport fuq l-intaxxar tal-passat. Sadanittant tisħaq li d-diskors tal-baġit qiegħed jagħti aktar opportunità għal djalogu u fehim għal dawk l-intrapriżi li sabu ruħhom f'diffikultà.

Intant, ACE tilqa’ l-investiment li se jsir fis-settur tal-edukazzjoni. Temmen li dan bla dubju dan se jgħin fl-isfida urġenti ta’ nuqqas ta’ riżors uman. Għaldaqstant l-assoċjazzjoni qiegħda tittama li din il-miżura tiġi introdotta minnufih biex tindirizza din il-kwistjoni tant urġenti. 

L-Assoċjazzjoni faħħret il-miżuri kollha li jolqtlu l-infrastruttura u l-ambjent għaliex tememn li dawn se jiżguraw pajjiż aktar attraenti għat-turisti filwaqt li jiżgura wkoll kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin. L-Assoċjazzjoni tipproponi li l-inċentivi mħabbra fejn tidħol enerġija alternattiva, ikunu mfassla skont il-htieġa tal-industrija minflok soluzzjoni waħda u komuni.

Finalment, l-ACE temmen li dan l-baġit huwa wieħed pożittiv li jiffoka fuq il-prijoritajiet filwaqt li jiżgura sostenibiltà ambjentali, edukattiva u ekonomika. 

 

More in Politika