Il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qalet li taħt il-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Qrati qed jintużaw kontinwament kontriha biex il-ħaddiema tas-saħħa ma jkunux jistgħu jitkellmu biex ikun hemm titjieb fil-kundizzjonijiet ta’ xogħolhom.
Fi stqarrija, l-MUMN qalet li ħadd mill-Prim Ministru jew il-Ministri tas-Saħħa l-oħra ma użaw il-Qrati kontra d-drittijiet tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa.
“Dan juri arroganza u anke nuqqas ta’ rispett li għandu dan il-Gvern lejn il-ħaddiema tas-saħħa,” insistiet l-MUMN.
Spjegat li ilha għal dawn l-aħħar disa’ xhur taħdem biex jintlaħaq ftehim mad-Diviżjoni tas-Saħħa fuq diversi ftehim settorjali iżda, fi kliemha, dejjem intlaqgħet “b’arroganza u ras iebsa mill-Gvern.”
Insistiet li l-laqgħat kollha qed jispiċċaw mingħajr qbil u mhu qed ikun hemm l-ebda għażla oħra ħlief li jkun hemm direttivi.
“Meta mbagħad ikun hemm id-direttivi, id-Diviżjoni tas-Saħħa tmur quddiem il-Qrati biex twaqqaf l-azzjonijiet industrijali,” kompliet il-Unjin.
Ilmentat ukoll li quddiem il-Qrati, l-arroganza tad-Diviżjoni qatt ma tittieħed inkonsiderazzjoni u d-deċiżjoni qed tkun ibbażata biss fuq l-azzjonijiet industrijali.
Fi kliem l-MUMN, din hija diskriminazzjoni iżda saħqet ukoll li mhux se tagħlaq ħalqha u se tkompli titkellem.
Aktar direttivi
Għalhekk, l-MUMN qalet li qed toħroġ mill-ġdid diversi direttivi li se japplikaw għal dawn li ġejjin:
- Decontamination Sterile Technicians ( DSTS);
- Dental Surgery Assistants ( DSAs); u
- l-phlebotomists.
Direttivi f'Mater Dei u San Vinċenz
Apparti minn hekk bħalissa hemm fis-seħħ direttivi oħra fl-Isptar Mater Dei biex l-infermiera ma jużawx is-sistema Robotika għall-amministrazzjoni tal-pirmli.
Fi kliem l-MUMN, id-Diviżjoni tas-Saħħa ma tridx tammetti li din is-sistema hija “falliment totali.”
L-MUMN waqqfet ukoll lill-membri tagħha fir-Residenza San Vinċenz de Paule milli jaċċettaw anzjani ġodda u ordnat ukoll lock down totali fir-residenza.
Dan hekk kif id-Diviżjoni tas-Saħħa mhux taqbel dwar l-għadd ta’ gradwati ġodda li hemm bżonn li jkunu ingaġġati fis-Settur tal-Anzjani.
Qalet li din is-sena, il-Ministru għas-Saħħa ddeċieda li l-infermiera kollha li ggradwaw din is-sena għandhom jinżammu fis-Settur tas-Saħħa. Ħadd minnhom ma kien ingaġġat f’San Vinċenz de Paule.
“Din id-deċiżjoni qed twassal mhux biss għal diskriminazzjoni kontra San Vinċenz de Paule imma anke għall-infermiera li jaħdmu fir-residenza. Dan għax l-infermiera f’San Vinċenz mhux qed jitħallew li jingħataw trasferiment minn San Vinċenz għall-Mater Dei bħall-infermiera l-oħra li jaħdmu fid-Diviżjoni tas-Saħħa. Huwa ċar li l-infermiera nqabdu f’kunflitt bejn żewġ Ministeri,” kompliet l-istqarrija.
Temmet tisħaq li l-MUMN tirrispetta d-deċiżjonijiet kollha tal-Qrati iżda saħqet li dawn id-deċiżjonijiet mhux se jwaqqfuha milli tkompli tiġġieled għad-drittijiet tal-membri tagħha.