DJ jinżamm arrestat wara li tressaq akkużat li stupra tfajla f'Paceville

Jidher li l-vittma talbet DJ biex idoqq diska partikolari u wara baqa' baqa' sakemm ħadha miegħu d-dar 

DJ ta' Paceville ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat bi stupru.

L-akkużat li għandu 32 sena ta' nazzjonalità Kolombjana ma jistax jissemma b'ismu fuq ordni tal-Qorti. Huwa akkużat li ltaqa' mal-allegat vittma fi stabbiliment f'Paceville.

L-Ispettur John Spiteri spjega kif il-vittma marret għand il-Pulizija bid-dmugħ f'għajnejha u spjegatilhom kif wara li l-mara talbet lid-DJ biex idoqq diska partikolari, l-akkużat baqa' baqa' sakemm ħadha fid-dar tiegħu f'Paceville fejn, allegatament, stupraha. 

Skont l-Ispettur, l-għada, l-akkużat bagħat messaġġ lill-vittma fuq Instagram u talab skuża għal dak li ġara.

L-akkużat wieġeb mhux ħati.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest għax il-vittma għad trid tixhed u anke għax l-akkużat ma għandu l-ebda rabta f'Malta. 

Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest għax qablet mal-oġġezzjoni għall-Prosekuzzjoni.

More in Politika