Permezz tal-midja soċjali, il-Ministru għall-Affarijiet Interni, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, saħħaq li wasal iż-żmien li persuni b'tattoos jitħallew jidħlu fil-Korp tal-Pulizija.
Skont Camilleri dan għandu jsir bil-għan li "ma jintilfux iżjed talenti sempliċiment għax persuna għażlet li jkollha tattoo."
Fil-paġna tiegħu, il-Ministru spjega li jekk dan għandu jsir, se jsir b'linji gwida u se jsir sabiex tiġi imwettqa bidla pożittiva li twassal għal forza iżjed moderna u inklussiva, filwaqt li "tkun aktar rappreżentattiva tas-soċjetà."
Il-kummenti ta' Byron Camilleri waslu f'mument pjuttost kontroversjali, wara l-azzjoni industrijali li għaddejja mill-għaqdiet tal-pulizija fuq ordnijiet mogħtija mill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex l-uffiċjali jqaxxru l-leħja kuljum.