Joseph Camenzuli, sid ħanut tal-ħwejjeġ ġewwa l-Belt Valletta li għedded lill-President ta' Repubblika, Robert Aquilina fuq Facebook, se jappella s-sentenza wara li ġie mmultat €3,000.
Jidher li Aquilina għamel post fuq Facebook meta Camenzuli, li għamel użu minn profil falz taħt l-isem Mario Borg, kiteb, "se nibqgħu kwieti sakemm tirrabjawna... Ibża meta tgħaddi mill-Belt Valletta waħdek". Fix-xiehda tiegħu Aquilina qal li kummenti bħal dawn wassal biex jitlob għall-protezzjoni tal-pulizija.
Wara li l-każ ġie investigat, it-taqsima tas-Cybercrime infurmat lill-ispettur Michael Vella, li l-kumment intbgħat minn mobajl li kien irreġistat fuq in-numru ta' Camenzuli. Waqt ix-xhieda, Camenzuli stqarr li, "m'għandi xejn kontra Aqulina. Ovjament ktibt xi ħaġa li hu nterpreta bħala theddida. Dak iż-żmien kien hemm ħafna protesti. Kollha għandna familja, kollha konna rrabjati u bdejna nitkellmu fuq dan l-individwu. Rajnihom jagħtu lil pulizija."
Camenzuli baqa' jinsista li huwa kulma għamel kien li wissa' u mhux hedded lill-President ta' Repubblika. Intant l-avukat tiegħu qal li filwaqt li wieħed għandu d-dritt li jipprotesta, "hemm ukoll id-dritt li taħdem". L-avukat insista li l-akkużat kien ilu tliet ijiem ma' jagħmel bejgħ fuq il-prodotti tiegħu. "Huwa esprima l-fatt li ħassu mdejjaq. Mhux att kriminali li wieħed jesprimi l-emozzjonijiet tiegħu," temm jgħid l-avukat.