Għadd ta' persuni diġà ffirmaw petizzjoni onlajn biex din is-sena jingħata l-permess biex issir il-purċissjoni tradizzjoni bil-Bambin, liema purċissjoni ssir f'ħafna bliet u rħula Maltin.
Din it-tradizzjoni, li beda San Ġorġ Preca fil-Ħamrun, din is-sena tagħlaq mitt sena.
Ħafna qed jisħqu li wara li saret il-Fun Run tal-President, issa għandhom jingħataw il-permessi biex almenu, ġaladarba l-festi mhux isiru, issir il-purċissjoni bil-Bambin.
Fil-fatt, l-Arċipriet tal-Kolleġġjata ta' San Ġorġ f'Ħal Qormi u li huwa wkoll il-President tal-Kulleġġ tal-Kappillani, Dun Mario Mangion, saħaq li ma jistax jifhem għaliex issir distinzjoni bejn attivitajiet reliġjużi u attivitajiet oħra.
Staqsa x'differenza hemm bejn mitt persuna miexja għall-karità waqt l-attività tal-Ħadd li għadda u mitt ruħ miexja wara l-Bambin fi żmien il-Milied.
Il-petizzjoni qed titlob biex il-purċissjonijiet isiru b’mod kawt, u b’rispett sħiħ lejn il-miżuri marbuta mal-Covid-19.
Fl-aħħar ġimgħat, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' diversi dilettanti tal-festi, b'mod partikolari wara li ngħatax il-permess biex issir il-purċissjoni bil-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni ta' Bormla.
Il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda, Noel Camilleri, saħaq li meta qed jitkellmu, qed isibu dejjem il-bibien magħluqa.