Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li mil-lum bdew jintbagħtu messaġġi bl-appuntamenti tad-doża tal-booster kontra l-COVID-19 lill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, tal-Korp tal-Pulizija, tal-Protezzjoni Ċivili, tal-LESA u l-ħaddiema tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li l-awtoritajiet tas-saħħa ħadmu id f’id mat-tmexxija ta’ dawn l-entitajiet sabiex inġabru d-dettalji tal-ħaddiema li jixtiequ jitlaqqmu bil-booster.
Insista wkoll li l-proċess tat-tilqim ta’ dan il-grupp mistenni jkun komplut fi ftit jiem, sabiex b’hekk tkompli tiżdied l-immunità tal-poplu Malti kontra l-COVID-19.
Bħalissa l-programm ta’ vaċċinazzjoni huwa miftuħ għal kull min għandu ‘l fuq minn 50 sena u r-reġistrazzjoni għat-tilqima tista’ ssir fuq vaccin.gov.mt.
Ilbieraħ il-Malta Police Union ħarġet direttivi għall-Pulizija għax qed tinsisti li l-uffiċjali kollha fil-Korp għandhom jieħdu l-booster tal-vaċċin kontra l-Covid-19 qabel żmien il-Milied.
Hija ordnat lil dawk il-Pulizija li jkunu għadhom ma ħadux il-booster tal-vaċċin, biex waqt l-ispezzjonijiet li jagħmlu, tkun xi tkun, ma jidħlux f'binjiet jew stabbilimenti, sakemm ma jkunx hemm xi talba għall-għajnuna jew inkella sakemm il-każ ma jkunx wieħed urġenti u ta' periklu għas-sigurtà ta' persuni oħra.