Sospiżi l-adozzjonijiet mill-Ghana; 12-il familja f’limbu

Il-Ministru Evarist Bartolo jisħaq mal-ILLUM li hemm rapporti internazzjonali ‘inkwetanti’ dwar abbuż mis-sistema tal-adozzjoni għat-traffikar tat-trabi

Tnax-il familja li qed jistennew biex jaddottaw trabi jew tfal mill-Ghana jinsabu fil-limbu meta ħabta u sabta l-Gvern issospenda l-adozzjonijiet kollha minn dan il-pajjiż.

Sorsi għolja fil-Gvern saħqu mal-gazzetta ILLUM li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Ministeru għall-Affarijiet Barrani u Ewropej, anke wara riżervi mill-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fil-Ghana minħabba rapporti li dehru fuq midja internazzjonali dwar traffikar tal-bnedmin.

L-ILLUM hija infurmata b’każi ta’ diversi familji li kienu waslu fl-aħħar parti tal-proċess biex jaddottaw minn dan il-pajjiż. Uħud minnhom saħanistra diġà ħalsu eluf ta’ ewro.

Rapporti internazzjonali ‘inkwetanti’

Intant, il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo biex tifhem aħjar għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni.

Bartolo saħaq li hemm ħafna rapporti internazzjonali “inkwetanti” ta’ abbuż mis-sistema tal-addozzjoni għat-traffikar tat-trabi.

“Ingħatajna parir li għalissa nwaqqfu l-adozzjonijiet mill-Ghana bħal ma għamlu pajjiżi oħra,” insista l-Ministru, anke jekk ma tax aktar dettalji dwar in-natura ta’ dawn ir-rapporti.

Il-gazzetta ILLUM bagħtet aktar mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Affarijiet Barrani u fost oħrajn staqsiet x’qed jistennew l-awtoritajiet u x’se jiddetermina t-tneħħija ta’ din il-projbizzjoni.

Il-Ministeru wieġeb biss hekk: “Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej issospenda temporanjament l-adozzjonijiet mill-Ghana fuq rakkomandazzjoni tal-Awtorità tal-Istandards għall-Ħarsien Soċjali. 

Fakkar li din hija l-awtorità li fl-aħħar mill-aħħar hija responsabbli għad-deċiżjoni finali dwar minn liema pajjiżi jistgħu jsiru l-adozzjonijiet.

Propju għalhekk li l-gazzetta ILLUM bagħtet ukoll sett ta’ mistoqsijiet lill-Awtorità fejn fost oħrajn staqsiet aktar dettalji dwar ir-raġuni wara din ir-rakkomandazzjoni u anke x’qed tistenna qabel tippermetti li l-adozzjonijiet mill-Ghana jkunu jistgħu jkomplu. 

Kemm lill-Ministru u anke lill-Awtorità, il-gazzetta ILLUM staqsiethom ukoll jekk il-pariri humiex ibbażati biss fuq rapporti tal-midja jew inkella kienx hemm rakkomandazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet internazzjonali u uffiċjali. 

Tobba, infermiera u qwiebel: Jisirqu t-trabi eżatt malli jitwieldu biex jitraffikawhom

Dwar din il-mistoqsija għadna bla tweġiba iżda l-Ministru Bartolo rreferina għal żewġ artikli, ippubblikati f’Jannar 2021 fuq midja internazzjonali, inkluż il-BBC.  

Ir-rapporti jitkellmu dwar l-arrrest ta’ membri ta’ grupp li kienu jrabbu t-tfal biex imbagħad jittraffikawhom.

Huma nkixfu meta investigaturi kienu ppużaw ta’ persuni li riedu jaddottaw, bil-grupp ibigħilhom żewġt itrabi għal madwar $5,000 kull tarbija. 

Il-persuni arrestati kienu jinkludu żewġ tobba, erba’ infermiera, żewġ ommijiet, żewġ ħaddiema soċjali u qabla.

Jidher li dawn kienu jaħdmu f’faċilitajiet tas-saħħa u saħansitra kienu jgħidu lill-ommijiet, li jkunu għadhom kemm welldu, li t-tarbija tagħhom kienet mietet, ovvjament biex jisirqu t-trabi.

Huma kienu jħeġġu wkoll ommijiet, li għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jrabbu, biex ibiegħulhom it-trabi.

Eventwalment dawn kienu jrabbuhom sakemm ibiegħuhom. 

More in Politika