Sondaġġ ILLUM | Camilleri u Said fuq quddiem f'Għawdex
... l-ewwel parti minn sondaġġ dwar is-sitwazzjoni politika f'Għawdex
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Kelliema għal Għawdex għall-Partit Nazzjonalista Chris Said jinsabu fuq quddiem fit-tiġrija elettorali f'Għawdex u jaqtgħu lil ħafna mill-kompetituri tagħhom b'persentaġġ konsiderevoli wkoll. Dan jirriżulta minn sondaġġ li sar minn Polar - il-Unit tas-Sondaġġi ta' Mediatoday - fost l-Għawdxin.
Fil-fatt mistoqsijin lil min jafdaw l-aktar mill-kandidati f'dan id-distrett 24.8% semmew lil Camilleri - bl-aktar li jissemma jkun fost dawk tal-etajiet ta' bejn it-30 u d-39 sena (33%) u wara fost dawk bejn 50 u 59 sena (31.3%). Warajh hemm Said, li jikseb il-fiduċja ta' 14% - bl-aktar li jafdawh ikunu dawk ta' bejn 70 u 79 sena (26.6%) u dawk bejn il-21 u 29 sena (18%).
Fost dawk li qalu li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2017, 46.2% qalu illi jafdaw l-aktar lil Camilleri, filwaqt illi 0.4% tal-votanti Laburisti fl-2017 qalu li jafdaw l-aktar lil Said. Minkejja li allura l-PL jidher li qed jitlef ammont żgħir ta' voti, jekk indawwru x-xenarju insibu li 5.1% ta' dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017 illum jafdaw aktar lil Clint Camilleri. Dan filwaqt li 31.3% jafdaw l-aktar lil Chris Said.
Camilleri jikkmanda l-aktar fiduċja fost dawk b'edukazzjoni sekondarja (32.4%) u post-sekondarja (31.1%) filwaqt li Said jikseb l-aktar fiduċja fost dawk b'edukazzjoni primarja (27%).
Refalo u Justyne għadhom f'pożizzjoni li jiġu eletti
Sal-aħħar elezzjoni l-aktar kandidat popolari kien il-Ministru (illum tal-Biedja) Anton Refalo li kien kiseb 4,853 vot fl-ewwel għadd, b'Justyne Caruana warajh b'3,189 vot fl-Ewwel Għadd. Camilleri kien it-tielet Deputat li tela' minn dan id-distrett u kien kiseb 2,466 vot.
Jidher iżda li l-kariga ta' Ministru għal Għawdex lil Camilleri bidlet ix-xenarju, b'Refalo u Caruana jaqgħu lura imma xorta biċ-ċans komdu li jiġu eletti jekk iżommu max-xejra ta' dan is-sondaġġ u jekk il-Partit Laburista jżomm it-tielet siġġu f'Għawdex. Camilleri probabbilment huwa mgħejjun mill-fatt ukoll li huwa l-Ministru responsabbli mill-kaċċa fuq distrett fejn hemm numru konsiderevoli ta' kaċċaturi, tant li Għawdex kien meqjus kruċjali biex intrebaħ ir-referendum mill-kaċċaturi.
3.5% semmew lil Caruana u 5.5% semmew lil Refalo f'termini ta' fiduċja, b'6.7% tal-votanti Laburisti fl-2017 f'Għawdex jgħidu li jafdaw lil Caruana u 9.1% isemmu lil Refalo. Tajjeb ninnutaw wkoll li Refalo, bħal Camilleri, jakkwista wkoll persentaġġ żgħir imma notevoli ta' voti Nazzjonalisti fl-2017 (2.7%).
Alex Borg - Mix-xejn għal fuq quddiem?
Ftit żmien ilu, ftit kienu jafu b'Alex Borg għalkemm ħafna f'Għawdex kienu jafu b'missieru li kien qrib u kien jaħdem ukoll mal-eks Ministru Giovanna Debono.
Borg jissemma' minn 2.8% tal-parteċipanti li wieġbu, imma notevoli l-fatt li huma 5.9% tal-votanti Nazzjonalisti fl-2017 li qalu illi jafdaw lilu, li allura jpoġġih fi-tieni post u fdat tliet darbiet iktar fost votanti PN minn Claudette Buttigieg (2%). Dan allura jindika li jekk iżomm ma' din ix-xejra sal-elezzjoni Borg jidħol fiċ-ċans li jirbaħ it-tieni siġġu tal-PN fuq Għawdex.
Jekk kemm-il darba l-PN jerġa' jirbaħ it-tielet siġġu f'dan id-distrett li għal ħafna snin kien ixaqleb sew lejn il-PN, jidħlu fiċ-ċans Claudette Buttigieg li għandha għeruqha f'Għawdex u d-Deputat kurrenti Kevin Cutajar.
Iż-żgħażagħ u tal-edukazzjoni terzjarja jistgħu jbiddlu kollox!
Minkejja li x-xejriet huma ċari allura, speċjalment fejn jirrigwarda l-aktar żewġ kandidati popolari, persentaġġ qawwi ta' Għawdxin għad ma għandhomx kandidat preferut. Fil-fatt kienu b'kollox 47.3% li qalu illi ma għandhomx kandidat preferut jew ma kinux jafu kif se jwieġbu l-mistoqsija jew qalu li ma jafdaw lil ħadd, bl-ogħla persentaġġi jkunu fost iż-żgħażagħ u dawk b'edukazzjoni terzjarja.
Fil-fatt fost dawk bejn 16 u 20 sena, li porzjon minnhom se jkunu qed jivvutaw għall-ewwel darba 76.2% ma semmewx kandidat preferut, filwaqt li fost dawk b'edukazzjoni terzjarja dan il-persentaġġ huwa ta' 61%.
Dan juri allura li fejn jirrigwarda kandidati ż-żgħażagħ u dawk b'edukazzjoni terzjarja jafu jbiddlu ħafna mil-logħba, speċjalment fejn jirrigwarda l-aħħar tliet siġġijiet Parlamentari li jeħtieġ jiġu eletti.
Il-Labour minn fuq b'6% imma ħafna indeċiżi jew ma weġbux
Intant il-Partit Laburista jinsab minn fuq f'dan id-distrett b'mod pjuttost komdu sa issa. Fil-fatt kienu b'kollox 39.4% tal-parteċipanti f'dan is-sondaġġ li qalu illi kieku ssir elezzjoni ġenerali llum jivvutaw lill-Partit Laburista. Dan filwaqt li 33.4% qalu illi jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista - li jfisser distakk ta' 6%.
Minkejja dan iżda, għad hemm kważi 26% li qalu li ma jridux jivvutaw, ma jafux lil min jivvutaw jew li ma weġbux. Dawn jinqasmu hekk: 11.9% wieġbu 'Ma nafx', 11.7% wieġbu 'Ma nivvutax' u 2.3% ma wieġbux.
Metodoloġija: Dan is-sondaġġ sar bejn nhar il-ħamos 4 ta' Novembru u l-Ġimgħa 12 ta' Novembru 2021 u pparteċipaw fih 622 persuna. Il-persuni kienu magħżulin b'mod li dan il-kampjun jirrapreżental-etajiet u ġeneri differenti. In-numri wżati kienu kemm tal-linja fissa u anke fuq numri tal-mowbajls.