30% tal-popolazzjoni adulta f’Malta issa ħadet il-booster tal-vaċċin, bis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, tgħid li t-tħassib dwar il-varjant Omicron wassal biex aktar nies jersqu biex jieħdu d-doża addizzjonali.
Gauci qalet dan meta kienet qed tieħdu sehem fil-programm Ask Charmaine fuq Times of Malta. Għal kuntrarju ta’ rapporti li saru fuq paġni ta’ Facebook, il-Professur Gauci saħqet li sa issa Malta ma rreġistrat l-ebda każ ta’ dan il-varjant.
Insistiet li l-benefiċċji tal-booster huma evidenti u spjegat ukoll li l-immunità li qed toffri t-tielet doża ddum ħafna aktar mill-immunità naturali, jiġifieri dik li wieħed jiżviluppa meta jkun fieq mill-virus.
Ħabbret ukoll li fil-ġranet li ġejjin, ġenituri se jibdew jirċievu l-appuntamenti hekk kif dalwaqt se jibda t-tilqim għat-tfal li għandhom bejn ħames u ħdax-il sena.
Insistiet li dwar it-tilqim fuq it-tfal, kif seħħ għall-etajiet kollha, saru t-testijiet u l-istudji kollha neċessarji.
Qalet li l-benefiċċji huma kbar, anke meta wieħed jikkumpara l-każi fost l-istudenti. Fi kliemha, fl-iskejjel kien hemm aktar każi ta’ Covid-19 fost l-istudenti li għandhom inqas minn 12-il sena, milli fost dawk li għandhom aktar minn 12-il sena u li l-maġġoranza tagħhom issa huma mlaqqma.
Insistiet ukoll li l-clusters li kien hemm fl-iskejjel sa issa kienu żgħar, fejn kull cluster mhux qed ikun jinkludi aktar minn ħames persuni pożittivi għall-Covid-19. Madanakollu xorta waħda appellat li huwa ta' benefiċċju għat-tfal u anke għal dawk ta' madwarhom, li t-tfal kollha jitlaqqmu.
Aqra wkoll: