Il-kumpaniji Pfizer u BioNTech qalu li l-booster tal-vaċċin kontra l-Covid-19 jidher li hija effettiva biżżejjed kontra l-varjant Omicron, liema varjant ħasseb lil bosta minħabba li jinxtered aktar malajr.
Wara studju żgħir li għamlu, il-kumpaniji qalu li t-tielet doża tal-vaċċin li huma żviluppaw toffri l-istess immunità li ż-żewġ dożi kienu qed joffru kontra l-varjanti l-oħra, li nxterdu sa issa.
Huma qalu dan wara li l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa kkonkludiet ukoll li t-tilqim li huwa approvat bħalissa huwa effettiv wkoll kontra l-każi tal-Omicron.
L-informazzjoni dwar dan il-varjant għadha qed tinġabar. Sa issa jidher li dan il-varjant, li għadda minn ħafna mutazzjonijiet, jinxtered aktar iżda s-sintomi tiegħu jidhru li huma inqas severi minn dawk ta' varjanti oħra, inkluż id-Delta li nxtered madwar id-dinja.
Kien il-Kap Eżekuttiv ta' Pfizer, Albert Bourla li fi stqarrija qal li l-booster ttejjeb ħafna l-protezzjoni kontra l-varjant Omicron.
"Li nassiguraw li kemm jista' jkun persuni jieħdu ż-żewġ dożi u anke l-booster jibqa' strumentali biex niġġieldu t-tixrid tal-Covid-19," saħaq.
Aqra hawn x'passi qed jieħdu pajjiżi oħra kontra ż-żieda fil-każi u anke aktar dettalji dwar il-varjant Omicron.