Malta tingħata l-approvazzjoni għal fondi ewropej għall-pipeline tal-gass

Il-pipeline tal-gass se jgħaqqad lil Malta ma' Sqallija u se jkun jiswa' madwar €400 miljun

Il-Ministri Ewropej qablu li Malta tapplika għal fondi kruċjali li permezz tagħhom jista' jkun issussidjat mill-inqas nofs il-pipeline tal-gass li se jkun qed jgħaqqad lil Malta ma' Sqallija u li se jiswa' madwar €400 miljun. Il-Ministri qalu wkoll iżda li entitajiet li b'xi mod huma konnessi ma' frodi, korruzzjoni u b'rabta ma' organizzazzjonijiet kriminali se jkunu esklużi milli jirċievu tali fondi, f'referenza indiretta għall-Electrogas - li l-kuntratt magħha jinsab f'nofs kontroversja minħabba l-eks Direttur tagħha Yorgen Fenech u anke akkużi ta' flus deħlin minn nies b'rabtiet mat-tanker tal-gass, f'17 Black.

Kemm l-MEPs kif ukoll il-Kunsill Ewropew ilbieraħ qablu mal-każi illi ressqu 'l quddiem kemm Malta kif ukoll Ċipru illi għadhom mhumiex konnessi man-netwerk tal-gass ewropew u se jkun permess li jkollhom interconnector wieħed, kull wieħed, bil-fondi jaqgħu taħt 'Proġetti ta' Interess Komuni' hekk kif il-pipeline ikun neċessarju f'interconnection permanenti ta' gass madwar l-Unjoni Ewropea. 

Il-Kunsill Ewropew iddeċieda wkoll li jwaqqaf kull forma ta' għajnuna għal proġetti ta' żejt jew gass naturali u minflok introduċa kriterji stabbiliti ta' sostenibilità għall-proġetti kollha. Dan il-pass se jkun il-bidu tal-qalba għall-idroġenu.

Il-familja Caruana Galizia kienet appellat biex l-UE ma taċċettax li tagħti fondi bħal dawn li jispiċċaw imorru għand l-Electrogas, li tinnegozja l-LNG u li topera l-impjanti tal-gass li jbiddlu l-gass f'elettriku u li imbgħad huwa mibjugħ lill-Enemalta. Dan minħabba r-rabta jew konnessjoni allegata bejn l-Electrogas u l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, li fil-fatt jingħad illi rċeviet eluf ta' imejls u ħafna informazzjoni dwar din il-kumpanija mhux wisq qabel ġiet assassinata. 

 

More in Politika