'Kull min ilu xahrejn li ħa l-vaċċin tal-Johnson & Johnson se jirċievi appuntament għat-tieni doża'

Il-Ministru Chris Fearne jisħaq li sakemm is-sitwazzjoni fl-isptar u fl-ITU tibqa' taħt kontroll ma hemmx bżonn li jiddaħħlu aktar restrizzjonijiet

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li fil-ħmistax li ġejjin, il-varjant Omicron se jkun il-varjant dominanti fl-Ewropa u għaldaqstant huwa mistenni li dan jasal f’Malta wkoll kif daħal f’pajjiżi oħra.

Propju għalhekk li l-Ministru Fearne insista li l-booster huwa s-soluzzjoni għal din it-theddida u għalhekk appella biex kulħadd jaċċetta l-istedina biex jieħu d-doża addizjonali.

Huwa insista li kuljum isiru testijiet fost il-pazjenti li jkunu nstabu pożittivi għall-virus u sa issa ma kien hemm l-ebda każ tal-varjant Omicron f’Malta.

“Is-soluzzjoni hija l-booster,” saħaq Fearne. Spjega kif anke jekk iż-żewġ dożi jipproteġu kontra d-Delta, fil-każ tal-varjant il-ġdid il-protezzjoni tonqos xi ftit, iżda l-booster toffri mill-ġdid protezzjoni sostanzjali.

Fakkar ukoll li maż-żmien, l-immunità biż-żewġ dożi tonqos għall-varjanti kollha u għalhekk din hija raġuni oħra għaliex hemm bżonn li tittieħed il-booster.

Sal-lum, Malta tat 165,000 doża tal-booster. Dan ifisser li 38% tal-adulti Maltin huma issa mlaqqma wkoll bil-booster.

Appella wkoll li kull min għandu aktar minn 50 sena u ilu aktar minn erba’ xhur minn meta ħa t-tieni doża, biex japplika għall-booster. Fakkar ukoll li mit-Tnejn, kull mingħandu aktar minn 35 sena u ilu aktar minn erba’ xhur minn meta ħa t-tieni doża, jista’ japplika biex jieħu d-doża addizzjonali.

Qal ukoll li wara l-pariri tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina, dawk li ħadu t-tilqima tal-Johnson & Johnson, jekk għaddew xahrejn minn meta ħadu t-tilqima, se jkunu qed jirċievu appuntament id-dar biex jieħdu t-tieni doża bħala booster. 

Il-Ministru Fearne fakkar li beda wkoll it-tilqim fost it-tfal li għandhom bejn ħames u 11-il sena. Il-prijorità ingħatat lit-tfal li għandhom mard kroniku iżda fil-jiem li ġejjin, il-ġenituri tal-bqija tat-tfal se jkunu qed jirċievu l-appunatament.

Mistoqsi hemmx bżonn restrizzjonijiet ġodda, il-Ministru saħaq li anke jekk il-każi qed jiżdiedu, is-sitwazzjoni fl-isptar u b’mod speċjali fl-ITU għadha waħda stabbli u taħt kontroll u għalhekk għalissa ma hemmx bżonn li jiżdiedu restrizzjonijiet.

Fil-fatt, anke jekk Malta għandha madwar 1,500 każ attiv ta' Covid-19, f'Mater Dei hemm biss 16-il pazjent bil-Covid-19 u minn dawn tlieta biss qed jingħataw kura intensiva.

Aqra wkoll:

More in Politika