Pressjoni qawwija fuq Justyne Caruana... imma Abela jridha tirriżenja minn jeddha

Il-pressjoni fuq il-Ministru Caruana qed tiżdied minn ġewwa wara baraxx ta' kritika, anke minn bosta votanti Laburisti, fuq eluf lil Bogdanovich biex ħaddieħor jikteb ir-rapporti f'ismu! Il-PM Abela iżda - fil-pubbliku - qed jibqa' lura...

il-Ministru Justyne Caruana
il-Ministru Justyne Caruana

Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li minkejja d-dikjarazzjonijiet tiegħu li se jistenna "l-eżitu kollu" tar-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards, hemm pressjoni kbira biex il-Ministru Justyne Caruana twarrab, anke fid-dawl ta' baraxx ta' kritika, inkluż minn attivisti Laburisti fil-miftuħ, fuq il-midja soċjali.

L-ILLUM iżda hija infurmata li minkejja li l-Prim Ministru Abela mhu kuntent xejn b'dan ir-rapport u d-dettalji ta' dan il-każ imbarazzanti għall-Gvern, qed jibqa' lura milli jġiegħel lil Caruana tirriżenja u jixtieq li hi tagħmel dan minn jedda.

Dawk li tkellmu ma' din il-gazzetta u huma qrib il-Gvern qalu li dan huwa għal bosta raġunijiet, l-aktar għax tant qrib elezzjoni ma jridx jirrabja aktar attivisti u għeruq, speċjalment f'Għawdex fejn Caruana xorta jidher li qed tikkompeti sew għat-tielet siġġu għall-Partit Laburista, jekk jirbħu.

Dan huwa kkonfermat minn sondaġġ xjentifiku li deher fuq din il-gazzetta ġimagħtejn ilu li juri lil Clint Camilleri u warajh Anton Refalo u Justyne Caruana quddiem sew kwalunkwe kandidat Għawdxi tal-PL ieħor. 

Abela qal li dan huwa każ differenti minn ta' Rosianne Cutajar li wkoll instabet li kisret l-etika mill-istess Kummissarju, minħabba li f'dan il-każ kien imdaħħal Yorgen Fenech. Filwaqt li dan huwa minnu l-pressjoni u l-iskunentizza dwar l-istorja ta' Caruana hemm qegħda, iżda l-PM Abela qed jibqa' jżomm lura, anke jekk jidher - skont rapporti fuq The Sunday Times il-Ħadd li għadda - li l-Kummissarju Hyzler qal li hemm lok għal investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Ministru. Il-Pulizija fil-fatt kkonfermaw din il-ġimgħa li infetħet investigazzjoni fuq il-kuntratt mogħti lil Daniel Bogdanovich - is-sieħeb ta' Caruana. 

Bogdanovich kien se jingħata €15,000 sabiex jaħdem fuq kurrikulu nazzjonali dwar l-isports, xi ħaġa li huwa dwarha ma għandux esperjenza. L-istess artiklu nhar il-Ħadd għadda spjega kif minkejja li Bogdanovidh kellu r-rapporti dwar is-suġġett miktubin f'ismu, fil-fatt allegatament kienu qed jinkitbu minn persuna oħra li taħdem fil-Ministeru, tant li meta mistoqsi kemm-il darba tissemma' Ċipru fir-rapport Bogdanovich ma kienx kapaċi jirrispondi u l-ewwel wieġeb "ħafna" u wara "ftit drabi".

Fil-fatt Ċipru ma jissemmiex f'dan ir-rapport. Jidher li l-Ministru kienet taf li fil-fatt ir-rapporti ma kinux qed jinkitbu minn Bogdanovich, imma minn Dr Paul Debattista, konsulent tal-Ministru għall-Edukazzjoni. Hyzler insista li dan il-fatt inżamm moħbi minnu meta kien qed jiġbor ix-xhieda f'dan il-każ.

Mas-sit illum.com.mt il-Ministru Justyne Caruana qalet li hi ma kellhiex ir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards f'idejha u allura ma tistax tgħaddi kummenti dwar x'se tagħmel jew ma tagħmilx f'każ illi jinstab li kisret l-etika.

Dawn id-dettalji waslu għall-kritika qawwija kontra l-Ministru Caruana, mhux biss mill-Oppożizzjoni u l-ADPD imma minn bosta attivisti Laburisti wkoll. 

Kien il-Gvern stess li waqqaf il-kuntratt li Caruana tat lil Bogdanovich, wara li dan kien diġà rċieva €5,000. 

 

More in Politika