Ineħħu is-sunbeds tal-Blue Lagoon u jpoġġu x-xugaman: 'Din bajja tal-pubbliku!'
Attivisti minn Moviment Graffitti jinżlu Kemmuna u jipprotestaw kontra konċessjonijiet li spiċċaw invadew il-bajja ta' Blue Lagoon

minn Albert Gauci Cunningham

Attivisti u membri tal-Moviment Graffitti dalgħodu sebħu b'azzjoni f'Kemmuna fi protesta kontra konċessjonijiet li kienu qed iwasslu biex l-aċċess għall-kosta pubblika tispiċċa tingħalaq b'sunbeds, umbrellel u aktar.
L-attivisti niżlu fuq il-bajja jisħqu illi huwa inaċettabbli li n-nies iħallsu għall-użu ta' bajja pubblika, li hija proprjetà tal-pubbliku bi dritt.

L-attivisti imbagħad komplew il-protesta tagħhom billi neħħew sunbeds li kienu għadhom vojta u poġġewhom ma' ħajt. Huma saħqu li l-għan tagħhom mhuwiex li jagħmlu l-ħsara imma li juru illi hija inaċettabbli illi l-post diġà huwa mimli sunbeds qabel biss għadha waslet l-ewwel dgħajsa bit-turisti.



Wara l-attivisti poġġew ix-xugamani tagħhom u sostnew illi se jibqgħu hemm u jgawdu l-bajja.
Din il-kwistjoni ilha għaddejja, bin-numru ta' sunbeds fuq il-gżira jidher li qed jiżdiedu sena wara oħra. Petizzjoni lill-Parlament biex dawn id-deckchairs jitneħħew ġabret il-firma ta' madwar 600 persuna.
Andrè Callus saħaq li ħafna Maltin ma jmorrux Kemmuna propju minħabba din is-sitwazzjoni. "Il-Blue Lagoon hija żona pubblika u għandha tkun libera għal kulħadd, kemm residenti kif ukoll turisti."
Intant mieni din il-ġimgħa l-Moviment Graffitti wassal ittra lil ħames Ministri fejn enfasiza sitt talbiet fir-rigward tal-Blue Lagoon u Kemmuna:
1. Umbrelel u deckchairs għandhom jinkrew biss lil nies li jinsabu fiżikament fuq il-post. L-umbrelel u d-deckchairs tal-kumpaniji privati m’għandhom qatt jokkupaw iktar minn perċentwal stipulat sabiex l-aċċess u t-tgawdija tal-kosta ma jixxekklux, f’konformità mal-Att dwar id-Dominju Pubbliku. Dan il-perċentwal għandu jiġu stipulat f’dokument ta’ politika għal Kemmuna wara li jkunu saru l-istudji kollha u skont ir-rakkomandazzjoni tal-Pjan ta’ Ġestjoni għal Kemmuna tal-ERA (2019).
2. In-numru u d-daqs ta’ kjoskijiet madwar il-bajja għandu jkun ferm inqas minn dak preżenti u għandu jiġi stipulat f’dokument ta’ politika għal Kemmuna sabiex neliminaw il-konġestjoni u l-kummerċjalizzazzjoni żejda taż-żona, skont ir-rakkomandazzjoni tal-Pjan ta’ Ġestjoni għal Kemmuna. Fir-rigward tal-bejgħ mill-kjoskijiet, huwa urġenti li t-tazzi kollha jkunu magħmula minn plastik li jista’ jerġa jintuża u straws bijodegradabbli.
3. Kwalunkwe attività kummerċjali fil-bajja tal-Blue Lagoon għandha topera skont permess li jinħareġ mill-gvern u li jinkludi kontribut finanzjarju li jmur lejn iż-żamma tal-bajja. Kwalunkwe attività kummerċjali li ma timxix mar-regoli għandu jitteħdilha l-permess li topera.
4. Il-gvern għandu jieħu azzjoni urġenti favur iż-żamma tal-bajja bħal pereżempju billi jiżgura li hemm biżżejjed bins għall-iskart u li ż-żibel jinġabar ma’ kull tmiem il-jum. Iż-żamma tal-bajja għandha tqis ukoll li jkun hemm biżżejjed gwardjani li jħarsu lill-gżira u jkollhom l-awtorità jinfurzaw ir-regoli.
5. Il-mużika mill-kjoskijiet u d-dgħajjes, u l-generators storbjużi għandhom jiġu projbiti immedjatament.
6. Għandha tibda ħidma immedjata fuq dokument ta’ politika għal Kemmuna li jiġbor fih ukoll l-ammont ta’ nies li tista’ tilqa’ din il-bajja skont ir-rakkomandazzjoni tal-Pjan ta’ Ġestjoni għal Kemmuna. Din il-politika għandha tipprojbixxi laneċ kbar (bħal katamarani) milli jidħlu fil-Blue Lagoon u tpoġġi limitu fuq in-numru ta’ laneċ li jistgħu jidħlu kuljum.

