'Għandu jkun stabbilit valur massimu għar-rigali li jaċċettaw il-Membri Parlamentari' - OECD

L-OECD tagħmel diversi rakkomandazzjonijiet lill-Gvern Malti għat-tisħiħ tal-kodiċi ta' etika tal-Ministri u d-Deputati u tisħaq fost oħrajn li l-Membri Parlamentari ma għandhomx ikollhom impjieg sekondarju f'dipartimenti tal-Gvern, boards jew kummissjonijiet

“Il-Gvern Malti għandu jinkludi valur massimu għar-rigali, benefiċċji jew donazzjonijiet li jingħataw lill-Membri Parlamentari u għandu jassigura li dawn jirreġistraw ir-rigali kollha mogħtija lilhom u lill-qraba tagħhom anke jekk ma jaċċettawhomx.”

Din hija biss waħda mir-rakkomandazzjonijiet li għamlet l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonimku (OECD) fir-raba’ rapport li ppubblikat bil-għan li ssaħħaħ l-istandards fil-ħajja pubblika f’Malta u żżid it-trasparenza fil-ħidma ġenerali tal-Gvern.

L-aħħar rapport jinkludi għadd tar-rakkomandazzjonijiet li l-Organizzazzjoni għamlet għar-reviżjoni fil-Kodiċi ta’ Etika kemm tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari u anke dak għall-Membri Parlamentari.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Kap tad-Diviżjoni tal-Integrità Pubblika tal-OECD Julio Bacio Terracino u anke r-reappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea, Daniele Dotto, fakkru li ż-żewġ kodiċi ta’ etika saru fil-bidu tad-disgħinijet.

Filwaqt li fakkru li dak iż-żmien kienu fost l-ewwel kodiċi ta’ etika fost diversi pajjiżi, insistew li minn dak iż-żmien qatt ma ġew riveduti u dan meta l-ħajja żviluppat u l-isfidi u r-riskju żdiedu.

Propju għalhekk li l-OECD qed tagħmel diversi rakkomandazzjonijiet, anke għax fid-diskussjoni tagħha mad-Deputati Maltin u anke mas-soċjetà ċivili, huwa ċar li hemm diversi nuqqasijiet.

Rigali u donazzjonijiet

Fost oħrajn, l-OECD titkellem dwar l-għoti ta’ rigali u benefiċċji lill-Membri Parlamentari u membri tal-Kabinett, kwistjoni li fl-aħħar snin smajna ħafna dwarha. L-OECD qed tagħmel diversi rakkomandazzjonijiet dwar dan.

Tirrakkomanda li l-Gvern Malti jikkunsidra:

  • li jinkludi proviżjoni dwar ir-rigali u li tgħid ċar u tond li kwalunkwe rigal li jingħataw; kemm jekk id-Deputati stess u anke l-familjari tagħhom, għandhom ikunu rreġistrati fir-Reġistru tar-Rigali. Dan għandu jsir kemm jekk jaċċettaw jew le l-istess rigali
  • Ii jinkludi valur massimu tar-rigali, benefiċċji jew donazzjonijiet li jistgħu jirċievu;
  • li jinkludi proviżjoni fl-Att dwar l-Istandards biex il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jkun jista jevalwa l-istess rigali u jiddeċiedi hu jekk għandhomx ikunu aċċettati jew le

Dikjarazzjoni tal-Assi

Ir-rapport jitkellem ukoll dwar id-dikjarazzjoni tal-assi u joffri diversi rakkomandazzjonijiet.

L-organizzazzjoni qed tipproponi li l-Gvern jespandi l-iskop tad-dikjarazzjoni tal-assi u l-interessi u anke jwessa’ l-kategoriji ta’ persuni li għandhom jagħtu din l-informazzjoni.

Aktar dettalji dwar dan, l-OECD mistennija tagħtija f’rapport ieħor esklussivament dwar id-dikjrazzjoni tal-assi.

Kunflitt ta’ interess

Il-kelliema tkellmu wkoll dwar il-kunflitt ta’ interess, b’Carissa Munro, Analista Politika fid-Direttorat għall-Gvern Pubbliku, tisħaq li l-Gvern Malti għandu jieħu din il-kwistjoni aktar bis-serjetà meta tqis li Malta hija pajjiż żgħir u għalhekk ir-riskju jaf ikun akbar.

Apparti minn hekk, il-kelliema fakkru li f’Malta, il-Membri Parlamentari li mhumiex membri tal-Kabinett, huma fuq bażi part-time u għalhekk dan ukoll jista’ jżid ir-riskju.

Dawn mhumiex restrizzjonijiet, iżda għodod li jżidu l-kunfidenza u l-integrità biex dawk f’uffiċċju pubbliku jkunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom b’mod aktar effettiv

L-OECD qed tipproponi li l-kodiċi ta’ etika jkunu jinkludu sezzjoni dettaljata dwar il-pożizzjonijiet u l-attivitajiet li huma meqjusa inkompatibbli mal-irwol tal-Membri Parlamentari.

Fost oħrajn jgħidu li Membri Parlamentari:

  • ma għandhomx jaġġixxu bħala lobbyists;
  • ma għandhomx ikollhom impjieg sekondarju f’dipartimenti tal-Gvern, boards jew kummissjonijiet;
  • ma jipparteċipawx fil-kapaċità personali tagħhom fi rwol li jista’ jkun f’kunflitt mal-irwol tagħhom bħala uffiċjali pubbliċi;
  • ma jidħlux f’kuntratti jew relazzjoni ta’ impjieg mal-familjari tagħhom sakemm ikunu f’uffiċċju pubbliku;
  • u ma jkollhomx l-ebda assi li l-valur tagħhom jistgħu direttament jew indirettament ikunu affettwati b’xi policy tal-Gvern.

L-organizzazzjoni qed tipproponi wkoll li l-Membri Parlamentari kollha għandhom jiddikjaraw interessi privati mal-Kummissarju għall-Istandards kemm meta jsiru Deputati jew inkella mal-ewwel opportunità wara li jindunaw li jista’ jkun hemm xi kunflitt ta’ interess.

“Il-Gvern Malti għandu jikkunsidra emendi fil-Kostituzzjoni biex jipprojbixxi uffiċjali eletti milli jidħlu fi impjieg sekondarju fil-funzjonijiet kollha pubbliċi.”

Infurzar

Apparti rakkomandazzjonijiet oħra, l-OECD qed tinsisti li ż-żewġ kodiċi ta’ etika għandhom jikkjarifikaw il-mekkaniżmi kollha ta’ infurzar f’każ li jkun hemm ksur ta’ etika.

Qed tipproponi li l-Gvern għandu jikkjarifika l-irwol li għandu jilgħab il-Kummissarju u anke l-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, kemm fejn tidħol l-investigazzjoni u anke fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Min-naħa tiegħu, tkompli tipproponi l-OECD, il-Kummissarju għall-Istandards għandu jelabora b’eżempji konkreti miġbura fi ktejjeb u li jkun jista’ jiggwida aħjar lill-Membri Parlamentari dwar dak li huwa mistenni minnhom taħt ċirkostanzi differenti

Il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler
Il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler

Il-kelliema kollha insistew li din ir-reviżjoni hija neċessarja. Insistew li l-etika u l-integrità jżidu l-fiduċja tan-nies fit-tmexxija tagħhom u fl-istituzzjonijiet kollha.

“Dawn mhumiex restrizzjonijiet, iżda għodod li jżidu l-kunfidenza u l-integrità biex dawk f’uffiċċju pubbliku jkunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom b’mod aktar effettiv.”

Intant, fil-kummenti ta’ introduzzjoni, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja, George Hyzler, li t-terminu tiegħu jintemm nhar il-Ġimgħa, insista li waħda mill-problemi li sab fl-aħħar snin hija li hemm nuqqas ta’ kuxjenza u għarfien dwar dak li jikkostitwixxi ksur ta’ etika.

Fakkar li l-uffiċċju tiegħu wkoll għamel diversi rakkomandazzjonijiet imma fl-aħħar mill-aħħar huwa f’idejn il-Gvern li jara li dawn ikunu implimentati.

More in Politika