'Is-sitwazzjoni hija inkwetanti' - L-MŻPN b'laqgħa urġenti wara l-aħħar sondaġġ politiku

L-MŻPN wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li s-sondaġġ wera għal darb'oħra li maż-żgħażagħ il-Partit Nazzjonalista ma huwa popolari xejn 

Il-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista (MŻPN) wera t-tħassib tiegħu wara l-aħħar sondaġġ politiku ppubblikat mill-MaltaToday li wera kif minkejja li qed tikber l-apatija għaż-żewġ partiti, il-Partit Nazzjonalista għadu dak li l-aktar qed jitlef votanti.

Is-sondaġġ wera b'mod partikolari li maż-żgħażagħ, il-Partit Nazzjonalista għadu lura mmens. Fil-fatt kienu biss 7.3% ta' dawk li għandhom bejn 16 u 35 sena li lesti jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista kieku kellha ssir elezzjoni llum.

Kien dan li wassal lill-MŻPN biex juri t-tħassib tiegħu tant li ltaqa' b'urġenza biex jiddiskuti t-triq 'il quddiem.

"Wara sondaġġ ippubblikat lbieraħ li wera li l-partit tagħna mhux jikseb fiduċja miż-żgħażagħ, ħassejna d-dover li niltaqgħu immedjatament biex niddeċiedu x'għandna nagħmlu bħala fergħa responsabbli miż-żgħażagħ sabiex nerġgħu nirbħu l-fiduċja taż-żgħażagħ," saħaq l-MŻPN.

Iż-żagħżagħ qalu li lestu jaħdmu ma' kulħadd għall-ġid ta' dan il-partit.

Ma dahrux mal-lewża u saħqu li s-sitwazzjoni hija inkwetanti u "aħna lesti nagħmlu l-parti tagħna biex il-PN jimxi 'l quddiem."

L-apatija għaż-żewġ partiti ħarġet fil-beraħ ukoll fis-sondaġġ tal-gazzetta ILLUM li wera kif 56% tal-Maltin, b'mod partikolari n-Nazzjonalisti, jemmnu li hemm bżonn li Malta jkollha partit politiku ġdid. 

More in Politika