F'konferenza tal-aħbarjiet deputati tal-Partit Nazzjonalista (PN) qalu li l-kriżi fit-toroq Maltin qed tiggrava minn ġimgħa għall-oħra, tant li mill-bidu tas-sena sal-ewwel ġimgħa ta' Novembru diġà kienu rreġistrati l-ogħla rata ta' imwiet fl-aħħar 10 snin: 24 fatalità sa' issa.
il-Kelliem għat-Trasport, il-Mobbiltà u l-Proġetti Kapitali Adrian Delia u l-Kelliem għall-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Ryan Callus esprimew it-tħassib tal-PN li "minn diskussjoni dwar it-traffiku, spiċċajna nitkellmu dwar traġedji. U filwaqt li sa ftit ilu konna nitkellmu dwar kemm tkun weħilt fit-traffiku, issa sfortunatament spiċċajna ngħoddu l-vittmi fit-toroq tagħna."
Il-kelliema qalu kif il-fatt li n-nies qed jeħlu aktar fit-traffiku qed iwassal għal aktar stress u frustrazzjoni, li qed inawru mis-saħħa mentali tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan filwaqt li t-traffiku qed jissarraf ukoll f’aktar problemi ta’ mard respiratorju kawża tat-tniġġis.
Il-Partit Nazzjonalista hu nkwetat ukoll kif, minkejja li l-istatistika f’pajjiżna qed turi li qed joħorġu fit-toroq 56 karozza ġdida kuljum, "il-Gvern qed jibqa’ ma joffri l-ebda soluzzjoni."