'Mhux qed ngħid li n-nies ta' Birżebbuġa qed jigdbu iżda r-riħa mhux ġejja minn hawn'

Charlon Gouder, Kap Eżekuttiv tal-Aquaculture Resources Ltd, skuża ruħu għall-inkonvenjenti tal-passat iżda baqa' jinsisti li issa l-irwejjaħ mhux ikkawżati mill-fabbrika f'Ħal Far

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aquaculture Resources Ltd. - il-fabbrika tat-tonn f'Ħal Far - Charlon Gouder insista li filwaqt li mhux qiegħed igiddeb lir-residenti ta' Birżebbuġa jgħid li r-riħa ta' ħut mhix ġejja mill-fabbrika nnifisha. 

"Kollox huwa up to standard fil-fabbrika u l-irwejjaħ mhux qed jiġu mill-impjant," sostna Gouder. Dan minkejja li r-residenti jinsabu irrabjati u mxebba' bl-inkonvenjenti li qed jaffaċċjaw ta' kuljum bl-irwejjaħ u l-problemi fis-sistema tad-drenaġġ u li bdew meta bdiet topera din l-istess fabbrika. Fil-fatt ir-residenti, permezz tal-NGOs Għaqda, Storja u Kultura Birżebbuġa flimkien ma' Moviment Graffitti, iltaqgħu u ipprotestaw biex jiġi sospiż l-operat tal-fabbrika sakemm ikun żgurat li din ma tibqax tħalli rwejjaħ għad-detriment tagħhom.

Saħansitra bagħtu ittra lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli. Huma fakkruha fir-responsabilità politika tagħha u qalulha li l-ebda żjara organizzata mill-kumpanija mhi se sserraħ ras in-nies, "għax sakemm l-irwejjaħ jibqgħu ħerġin, il-problema tibqa' hemm. Jekk xi ħadd jipprova jimplika li l-irwejjaħ qawwija ta’ ħut mejjet, li bdew eżatt meta bdiet topera l-fabbrika tat-tonn ‘il fuq minn xahrejn ilu, mhumiex fil-fatt riżultat ta’ din il-fabbrika, ikun biss qiegħed jinsulta l-intelliġenza tan-nies." 

Intant illum, il-kumpanija stiednet lill-midja biex imorru ġewwa l-fabbrika biex jingħataw spjegazzjoni tal-iproċessar tal-fdalijiet tat-tonn. Gouder qal li "ovvjament kull proċess joħloq irwejjaħ differenti iżda din hija normali f'kull impjant u fabbrika fid-dinja." Madankollu qal li permezz ta' pressjoni u iffiltrar tal-arja jiġi evitat milli joħorġu l-irwejjaħ. 

Fl-aħħar huwa skuża ruħu għall-inkonvenjenzi li affaċċjaw ir-residenti fil-passat iżda reġa' insita li, "l-irwejjaħ mhux ġejjin mill-fabbrika." 

More in Politika